Wara li lbieraħ id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li "fil-ġimgħat li ġejjin" Malta tista' tibda tirrilaxxa xi restrizzjonijiet, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, saħqet li "għalissa" mhuma se jkunu rrilaxxati l-ebda restrizzjonijiet u l-awtoritajiet se jibqgħu jsegwu s-sitwazzjoni.
Gauci saħqet li bħalissa għaddejin diskussjonijiet, kemm mill-Unjoni Ewropea, l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa u bejn il-pajjiżi dwar ir-rilaxx ta' ċertu restrizzjonijiet, iżda fakkret li l-pajjiżi kollha huma f'sitwazzjonijiet differenti meta wieħed iħares lejn il-kurva tagħhom.
'Qed insegwu u nevalwaw," saħqet Gauci.
Fi kliemha, l-importanti huwa li jkun imħejji pjan biex meta jiġu rrilaxxati ċertu restrizzjonijiet, l-awtoritajiet ikunu ċerti minnhom.
"Jekk nirrilaxxaw u jibdew jiżdiedu l-każijiet, ikollna mmorru lura," saħqet il-Professur. "Dan qed nagħmluh bil-għaqal ħafna biex nirrilaxxaw restrizzjonijiet meta vera jkun il-waqt tagħhom."
Mistoqsija mill-ġurnalisti, Gauci saħqet li hemm diversi fatturi li qed jittieħdu inkonsiderazzjoni, fosthom kemm il-virus qed ikun trasmess minn persuna għall-oħra, kemm tiflaħ is-sistema tas-saħħa u anke li Malta tkun tista' tkompli bil-ħidma tagħha kontra l-virus.
Fi kliemha, anke meta jkunu rrilaxxati xi restrizzjonijiet, il-ħidma trid tibqa' għaddejja u jrid jibqa' jsir monitoraġġ tas-sitwazzjoni.
Fil-fatt, Gauci fakkret li n-numri żgħar tal-aħħar jiem huma frott il-miżuri bħas-social distancing li għandhom jibqgħu jiġu segwiti.
Aqra wkoll: