Intervista | 'Keċċewhom b'sms u qalulhom l-aħħar paga użawha għall-biljett tal-ajru'
L-akbar inkwiet tal-ħaddiema bħalissa hija l-inċertezza u l-biża' tal-futur - hekk jgħid meta intervistat minn din il-gazzetta s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja li jiftaħ it-tieqa fl-abbużi li saru fl-aħħar ġranet
minn Albert Gauci Cunningham
1 - Kif tiddeskrivi s-suq tax-xogħol bħalissa?
Il-kriżi li ġab miegħu l-virus COVID-19 ħarbtet il-mod kif konna qed ngħixu u poġġiet pressjoni kbira fuq ħaddiema u min iħaddem u l-għajxien tagħhom. F’mument ta’ kriżi, il-kollaborazzjoni u d-djalogu soċjali bejn min iħaddem u t-Trade Unions hija essenzjali u ta’ importanza kbira biex negħlbu din l-isfida u nerġgħu nibdew naħdmu biex inġibu stabbilità u nagħtu spinta lill-progress ekonomiku u soċjali.
Is-sitwazzjoni hija waħda eċċezzjonali u bla ebda preċident. Fil-kriżi tal-2008 s-sitwazzjoni kienet ħażina iżda mhux daqs illum. Bħallissa d-dinja tax-xogħol hija waħda mqallba. Għandek postijiet tax-xogħol magħluqa u mingħajr xogħol u l-ħaddiema huma ferm inkwetati li jitilfu l-impjieg tagħhom u għandek postijiet tax-xogħol oħra li għadhom għaddejjin u tant għandhom xogħol li għandhom bżonn ħaddiema ġodda. Iżda l-ħaddiema f’dawn il-postijiet tax-xogħol għandhom biża’ kbira li ser jiġu infettati. “Allura għandek kuntrast bejn żewġ dimensjonijiet iżda hemm element li jorbothom; il-biża’ tal-futur.”
2 - Qed jiġu fuqek ħaddiema li qed jitilfu xogħolhom? Minn liema setturi l-aktar? X'qed jitolbukhom bħalissa?
Wara l-ħruġ tat-tieni pakkett il-GWU iddikjarat li kien hemm aspetti tajba, iżda l-għajnuna diretta fil-pagi ma kinitx biżżejjed. Iż-żmien tana raġun u t-tielet pakkett qed jgħin biex ħadd ma jagħti sensji. Is-sensji li kien hemm kienu dawk li għandhom kuntratti definiti jew żmien ta’ prova. Dan il-pakkett serraħ ftit it-tħassib tal-ħaddiema kif ukoll ta’ min iħaddem.
Fejn aħna rappreżentati sa issa s-sitwazzjoni hija waħda maniġabbli u sensji ma kellniex. Iżda s-sitwazzjoni tista’ tinbidel jekk din il-kriżi tieħu fit-tul.
3 - Hemm każi ta' abbużi fejn impjegaturi keċċew ħaddiema mill-ewwel jew b’mod illegali? Tista' ssemmi xi wħud li inti taf bihom?
Iva. Fejn aħna mhux rapprezentati kien hemm sensji mill-ewwel speċjalment ħaddiema ta’ pajjizi terzi. Kien hemm każijiet ta’ tkeċċija anke b’sempliċi sms jew b’ittra fejn il-ħaddiem qalulu biex juża l-aħħar paga biex jixtri biljett tal-ajru. Dawn huma azzjonijiet tal-mistħija u għajb. Inżommu f’moħħna li suċċess li esperjenza pajjiżna f’dawn l-aħħar snin, kien grazzi għall-ħidma ta’ dawn il-ħaddiema wkoll. Kellna diversi ħaddiema li mhux koperti b’ftehim kollettiv fejn qed ikunu mġiegħla jiffirmaw kuntratt tax-xogħol ġdid b’tnaqqis tal-paga u kundizzjonijiet tax-xogħol.
4 - X'qed tagħmel il-unjin li tmexxi biex tara illi dak kollu li qed jittieħed mill-ħaddiema – bħal-leave u tnaqqis fil-pagi - jingħata lura ladarba jgħaddi kollox?
F’kull post tax-xogħol fejn hemm ftehim kollettiv qed isiru arranġamenti biex ħadd ma jitlef l-impjieg, il-ħaddiem jirċievi dak dovut lilu, u fejn hu possibbli jibqa’ jirċievi I-paga sħiħa billi nsibu xogħol għalih. Il-maġġoranza tal-membri qed jikkoperaw b’mod sħiħ. L-akbar problema li qegħdin naffaċċjaw hija l-inċertezza ta’ kemm ser indumu hekk. Kulħadd qed jaħdem flimkien biex nimmitigaw l-impatt ekonomiku.
Barra minn hekk, b’mod ħolistiku qed naħdmu fuq proposti li ser nippreżentaw fl-MSCESD għal meta tgħaddi din l-imxija biex nerġgħu nibdew insostnu t-tkabbir filwaqt li l-affarijiet jistabbilizzaw u nerġgħu nidħlu għal dik l-imsejħa normalità. Dan id-dokument ser ikun fih proposti speċifiċi mhux biss fil-qasam tal-impjiegi iżda jittrattaw ukoll il-benefiċċji soċjali, pensjonanti u l-persuni l-aktar vulnerabbli.
5 - Eluf ta' ħaddiema għadhom mhux qed igawdu minn ebda miżuri tal-Gvern, ħafna negozji, aġenti ta' proprjetà, fabbriki u oħrajn. Eluf ta' ħaddiema għandhom l-impjieg imdendel. X'qed tagħmel il-unjin biex tgħin lil dawn in-nies?
Nemmnu li l-għajnuna għandha tkun mifruxa u li kontinwament tiġi aġġornata skont kif tiżviluppa din il-krizi. Fejn hemm problemi nemmen ukoll li gvern għandu jgħin. Nemmen li l-gvern jeħtieġ li jinżel fuq livell ażjendali biex jgħin. Fuq kollox aħna r-relazzjonijiet industrijali tagħna huma mibnija fuq post tax-xogħol individwali. Il-ħidma tagħna hija kemm fuq livell ażjendali, kollettiv u nazzjonali. Ressaqna diversi proposti lill-Gvern li ġew milqugħa. Tajjeb ngħid li kienet il-GWU li talbet laqgħa urġenti tal-MCESD biex jiġu diskussi din il-kriżi u l-leave tal-kwarantina. Anke meta ntlaħaq il-patt soċjali, il-GWU kienet parteċipi u promotura. Barra minn hekk kellna diversi gruppi ġodda ta’ xogħol li daħlu membri biex jipproteġu l-interessi tagħhom. Anke ħaddiema li tradizzjonalment qatt ma resqu lejn il-GWU. Kemm ħaddiema kif ukoll self-employed. Kellna wkoll xi employers li ġew huma biex il-ħaddiema tagħhom jidħlu fil-Unjin għax qed jaraw il-mod professjonali li qed naħdmu bih.
Żgur li din il-kriżi ġabet uġigħ ta’ qalb kbir minħabba l-inċertezza li ħolqot, il-biża’ ta’ x’ser jiġri iżda opportunità ta’ ħafna aktar xogħol għalina – kemm fuq livell ażjendali u nazzjonali. Jien nemmen li dan huwa żmien ta’ prova oħra għall-GWU
6 - Dawk il-ħaddiema bi ftehim kollettiv ġew affetwati? Kif?
Il-ħidma tinqasam fuq tliet binarji. Għandek postijiet tax-xogħol fejn għadhom joperaw, daħħalna pjan ta’ kontinġenza biex jibqgħu joperaw bl-inqas riskju possibbli, pereżempju li jkun hemm shifts differenti, ilbies protettiv jew separazzjonijiet bejn il-magni, fost oħrajn ħruġ u dħul differenti, shifts ma jiltaqgħux bejniethom. Ħafna ħaddiema oħra ngħataw il-possibilità li jaħdmu mid-dar. Dan qed isir bi pjan strutturat biex l-ażjendi jibqgħu għaddejjin filwaqt li nkunu qed nipproteġu lill-membri tagħha mill-aspett finanzjarju imma wkoll mill-aspett ta’ saħħa.
Fejn il-post tax-xogħol ġie ordnat jagħlaq, is-Segretarji kollha tat-Taqsimiet tagħna fi an il-Unjin jinsabu impenjati b’mod dirett u b’mod virtwali biex jivvalutaw l-impatt li qed ikun hemm b’rabta mas-sitwazzjoni preżenti u flimkien max-shop steward isibu soluzzjonijiet biex kemm jista’ jkun possibbli jimmitigawh. Il-punt ta’ tluq dejjem ikun li ħadd ma jispiċċa mill-impjieg. Hemm diversi miżuri fosthom, banking hours, leave sfurzat, tibdiel fil-ħinijiet tax-xogħol u anke tibdiel fil-ħidma li ssir.
Barra minn hekk ta’ kuljum il-GWU nirċievu mijiet ta’ telefonati kemm minn ħaddiema u diversi drabi anke minn employers li jduru fuq l-Unjin biex jistaqsu dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, u allura huwa essenzjali li l-GWU tibqa’ topera u tibqa’ tagħti servizz.
7 - X'inhi l-akbar theddida vera għaż-żmien li ġej għax-xogħol u l-investiment?
L-inċertezza li teżisti ta’ kemm ser iddum din il-kriżi kemm fuq livell mediku kif ukoll dak ekonomiku. F’ekonomija globalizzata kulħadd jew ġie affettwat jew ser ikun affettwat. Kull post tax-xogħol huwa marbut ma’ post tax-xogħol ieħor f’pajjiż ieħor. Kemm fuq materja prima, jew ordinijiet. Malta għandha ekonomija miftuħa u neħtieġu li pajjiżi oħra jibdew jikbru wkoll biex inkunu nistgħu nikbru wkoll. Żgur li d-dinja tax-xogħol wara din il-kriżi ser tkun waħda differenti. Il-mod kif naħdmu, il-mod kif naħsbu jeħtieġ li nitgħallmu. Importanti li nitgħallmu minn dan kollu. Nemmen li flimkien nistgħu nagħmlu differenza waqt u wara din il- kriżi. Eżempju ta’ dan, dejjem sħaqna fuq kunċetti ta’ ħidma differenti bħal teleworking fil-privat. Dejjem kien ikun hemm oġġezzjonijiet iżda llum minħabba din l-kriżi ħafna qed jaħdmu mid-dar. Għaliex ma għandux ikun dejjem dan?
Barra hekk qed naraw il-kollass totali tal-filosofija neo-liberali u sistema kapitalista. F’diversi pajjiżi in9nies qed tbati għax matul is-snin il-Gvernijiet iprivatizzaw diversi servizzi essenzjali bħas-saħħa. Nemmen li wara dan il-virus ser ikollna dinja ġdida li mhux bilfors agħar. Żgur fl-immedjat kullżadd irid jagħmel sagrificji. L-importanti li dan il-piż mhux jispiċċa kollu fuq il-ħaddiem. Kulżadd irid jagħmel il biċċa tiegħu.
8 - Taħseb li l-mod kif il-Gvern qed iħabbar l-għajnuna - biċċa, biċċa - tagħmel sens?
Iva naqblu. Mill-bidu nett il-GWU sostniet illi l-Gvern għandu jniedi miżuri sostenibbli fl-ekonomija bil-għan illi jnaqqas mit-tbatijiet fl-immedjat kemm tal-ħaddiema tagħna u anke ta’min iħaddem. Fiċ-ċirkostanzi illi ħadd ma jaf kemm ser iddum din il-problema huwa ferm importanti illi l-istimolu ekonomiku ma jwassalx lill-pajjiż għal problemi finanzjarji fi żmien qasir li jwassal għal riċessjoni qawwija bil-konsegwenzi kollha negattivi fuq il-ħaddiema u l-pensjonanti tagħna. Dan fi sfond li l-istess miżuri għandhom ikunu marbuta maż-żamma tal-impjieg. Nemmnu li kull miżura għandha tvarja skont l-impatt illi l-industrija partikolari qed taffaċċja minn din il-problema.
Issa filwaqt li għandna diversi setturi milquta għandna oħrajn li għadhom joperaw b’mod normali iżda li l-impatt fuqhom jista’ jkun fil-futur. Għandna oħrajn li l-impatt fuqhom mhux kbir iżda jeħtieġu għajnuna. Dawn ukoll għandhom jingħataw l-għajnuna. Barra hekk kif jgħaddi kollox il-gvern jeħtieġ li jkun f’pożizzjoni finanzjarja biex jistimola l-ekonomija.
9 - X'inhu l-appell tiegħek lill-ħaddiema, l-pensjonanti u self employed f'dan il-mument iebes?
Nifhem li dan huwa żmien diffiċli u nifhem il-preokkupazzjoni tan-nies minħabba dan l-virus u l-kriżi li ġab magħha. Il-biża’ li qed tinfirex fost ix-xjuħ tagħna, il-familji tagħna huwa wieħed raġjonevoli u nemmen li kulħadd għandu jkun iktar kawt u jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji kollha biex jipprotegi lilu jew lilha nnfisha iżda wkoll biex nipproteġu lil ħaddieħor. Iżda nemmen bi sħiħ ukoll li ser ngħaddu minn din il-kriżi. Jien nappella biex kulħadd jibqa’ jsegwi l-appelli mill-awtoritajiet tas-saħħa għax kull wieħed u waħda minna għandu rwol importanti li jista’ jwaqqaf l-imxija ta’ dan il-virus. Nisħaq ukoll fuq l-importanza tal- kollaborazzjoni bejn it-Trade Unions, Gvern u min iħaddem biex negħlbu din l-isfida wkoll. Issa huwa l-waqt li dak li dejjem għadna fuq kemm għandna djalogu soċjali b’saħħtu li nuruh. Żgur li dak li ser nagħmlu issa ser jiddefinixxi l-futur tagħna bħala organizzazzjoni, soċjetà u pajjiż.
Dan il-virus ma jistax jiġi miġġieled fuq livell individwali, jeħtieġ sforz kollettiv.
10 - Il-fatt li ħafna immigranti issa qegħdin fuq kwarantina kif affetwat il-postijiet tax-xogħol fejn jaħdmu?
Fuq l-immigranti tal-Open Cntres ma tantx għandi informazzjoni però bħala GWU l-prijorità tagħna huma l-ħaddiema kollha inklużi dawk il-ħaddiema barranin, kemm Ewropej kif ukoll ħaddiema li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea. Dan għaliex il-GWU temmen fil-kunċett ta’ ugwaljanza li ma tagħmilx differenza bejn in-nazzjonalità tal-ħaddiema. Aħna nippruvaw nipproteġu u nagħtu għajnuna lil kulħadd u naraw li ma jiġux abbużati. Qed nagħmlu dak kollu possibbli biex insalvaw l-impjiegi ta’ kulħadd. Naħdmu ma’ diversi kuntratturi biex naraw kif dawn il-ħaddiema jingħataw taħriġ u jinstab xogħol alternattiv għalihom. Fil-fatt flimkien ma’ kuntrattur ewlieni u l-Ministru tat-Turiżmu għamilna ftehim biex ħaddiema barranin jgħinu fit-tindif tal-pajjiż. L-istess għamilna ma’ diversi kunsilli lokali. Iżda jiddispjaċini meta nara ħaddiema li mhux imsieħba fil-Unjin jiġu terminati b’sempliċi ta’ sms jew ittri fejn jgħidulhom li l-impjieg tagħhom ġie mitmum u jridu jitilqu b’mod immedjat minn Malta. Matul is-seba’ snin li għaddew kienu dawn l-istess ħaddiema li kkontribwew biex diversi imprendituri għamlu miljuni kbar. F’daqqa waħda l-ħaddiem minn investiment sar piż żejjed.
Barra minn hekk l-uffiċċju (contact point) li konna ftaħna flimkien maċ-CGIL tal-Italja qed nassiguraw li tingħata l-informazzjoni kollha possibbli lill-ħaddiema Taljani li hawn Malta filwaqt li niggwidawhom għall-assistenza u nispjegawlhom jekk jikkwalifikawx għall-miżuri mħabbra mill-Gvern Malti filwaqt li ċ-CGIL tara li l-istess ħaddiema jingħataw l-għajnuna min-naħa tal-Istat Taljan. Ir-relazzjoni tagħna maċ-CGIL hija waħda eċċellenti u qed inkunu ta’ interlokatur fejn mhux biss nisimgħu l-ilmenti imma naraw li l-assistenza tasal għand min huwa intitolat għaliha wkoll.