'Il-PM qed jgħawweġ b'mod malizzjuż' - Repubblika
Repubblika tgħid illi jekk il-Prim Ministru u l-Kmandant ħadu deċiżjoni li fissret imwiet ta' immigranti dawn jeħtieġ iġorru r-responsabilità
More in Politika
Repubblika tgħid illi jekk il-Prim Ministru u l-Kmandant ħadu deċiżjoni li fissret imwiet ta' immigranti dawn jeħtieġ iġorru r-responsabilità
L-għaqda Repubblika qalet illi l-Konferenza tal-Aħbarijiet tal-bieraħ tal-Prim Ministru kienet ritaljazzjoni perikoluża u akkużawh illi qed jgħawweġ il-fatti b'mod malizzjuż.
"Hu tassew perikoluż li l-Gvern qed jirritalja b’dan il-mod għax xi ħadd azzarda jitlob istituzzjoni tal-pajjiż tistħarreġ l-aġir tiegħu skont il-liġi u b’mod għal kollox paċifiku. Il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru poġġietna fil-mira u rrappreżentatna bħala għedewwa tal-pubbliku. L-Avukati tagħna qed jiġu attakkati għax qed jassistuna. Dan l-attakk hu intenzjonat biex ibeżża’ lil min jista’ jgħinna u jċaħħaddna mid-dritt bażiku li nqabbdu avukati tal-fiduċja tagħna, dritt demokratiku li hu ta’ kulħadd, mill-kbir saż-żgħir," qalet l-istqarrija ta' Repubblika.
Repubblika reġgħet sostniet illi l-Gvern Malti kien jaf b'dgħajsa l-għada tal-Għid il-Kbir, bl-immigranti u ħallieha b'uħud mill-immigranti jmutu. "Sat-Tlieta filgħaxija ebda patrol boat tal-armata Maltija ma ħarġet għall-persuni li kienu fuq din id-dgħajsa. Dawn l-imwiet kienu jkunu evitati kieku l-Gvern Malti uża l-informazzjoni li kellu u ordna li jkunu salvati dawn il-persuni."
L-għaqda fakkret illi kien hemm inċident li sal-lum l-Armata għadha ma ċaħditx.
Repubblika tfakkar li nhar id-9 ta’ April 2020 l-NGO Alarm Phone xandret recording ta’ passiġġier fuq dgħajsa tal-migranti jgħid li membru jew membri tal-ekwipaġġ tal-patrol boat tal-Forzi Armati P52 qata’ l-cable tal-mutur tad-dgħajsa u l-patrol boat telqet minn fuq il-post.
"Din hija allegazzjoni serja ħafna," sostniet l-għaqda. "Din hija allegazzjoni ta’ att ta’ sabutaġġ fuq opra tal-baħar fejn 70 ruħ jitħallew bejn sema u ilma b’dgħajsa b’mutur imkisser b’riskju ċar ta’ mewt. Sal-lum, disat ijiem wara, la l-gvern u lanqas l-armata ma ċaħdu li dan l-inċident seħħ."
Repubblika tfakkar li huwa f'dan l-ambitu illi talbet lill-pulizija jinvestigaw jekk dawn l-imwiet humiex konsegwenza tad-deċiżjonijiet tal-Prim Ministru u tal-Kmandant tal-Armata.
"Jekk dan hu l-każ il-persuni li ħadu d-deċiżjonijiet li kienu jafu li dawn jistgħu jfissru l-qtil ta’ persuni oħra għandhom jerfgħu r-responsabbiltà. Il-liġi hi l-istess għal kulħadd."