Filmat | 'Persuna ma għandhiex tispiċċa bil-kondotta mċappsa għax tpejjep il-kannabis'
Rosianne Cutajar twiegħed li se taħdem biex Malta timmodernizza ruħha f'dan ir-rigward
More in Politika
Rosianne Cutajar twiegħed li se taħdem biex Malta timmodernizza ruħha f'dan ir-rigward
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza, Rosianne Cutajar, ippubblikat l-ewwel filmat b’messaġġ dwar l-użu rikreattiv tal-kannabis, fil-ġurnata magħrufa bħala 4/20 u li fiha jitfakkru dawk l-attivisti li jaħdmu biex persuni li jużaw il-kannabis għal raġunijiet rikreazzjonali jkollhom aktar drittijiet.
Il-messaġġ ta’ Cutajar kien wieħed ċar. “Persuna ma għandhiex tispiċċa bil-kondotta mċappsa, jew saħanistra l-ħabs, sempliċiment għax tagħżel li tikkonsma l-pjanta tal-kannabis,” saħqet Cutajar.
Fi kliemha, anke jekk f’Malta dan jibqa’ illegali, Gvern Laburista ilu li beda t-triq biex il-liġi tkun aktar sensittiva għal dawn in-nies, li skont studju lokali li sar, jammontaw għal 40,000 persuna.
Lura fl-2015, il-Gvern emenda l-liġi biex pussess żgħir tal-kannabis ma jibqax reat kriminali u kienet legalizzata wkoll il-kannabis għall-użu mediku.
“L-użu tal-kannabis huwa wieħed mifrux fis-soċjetà u mhuwiex marbut ma’ klassi soċjali, livell ta’ edukazzjoni jew professjoni,” saħqet Cutajar. “Minn politiċi bħal Barack Obama u Justin Trudeau, għal sportivi bħal Michael Phelps u intraprendituri kbar bħal Steve Jobs.”
Fi kliemha, minħabba dawn il-fatti, mhuwiex ġust li jkun hemm stigma jew taboo fuq dawn il-persuni li jagħmlu użu personali mill-kannabis.
Cutajar wiegħdet li se tkompli taħdem biex tneħħi dan it-taboo u biex “ikollna wiegħdi leġislattivi li jirriflettu r-realtà tas-soċjetà.
Temmet tgħid: “Inħares ‘il quddiem biex pajjiżna jkompli jimmodernizza ruħu f’dan ir-rigward.”