Tmien persuni oħra jfiequ; Erba' pazjenti ġodda fl-aħħar 24 siegħa
Tlieta mill-każi l-ġodda huma immigranti fiċ-ċentru miftuħ ta' Ħal Far
More in Politika
Tlieta mill-każi l-ġodda huma immigranti fiċ-ċentru miftuħ ta' Ħal Far
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li fl-aħħar 24 siegħa, tmien persuni oħra fiequ mill-coronavirus biex b'kollox issa fiequ 126 persuna. Fost il-pazjenti mfejqa, hemm anzjan ta' 70 sena.
Ilbieraħ in-numru ta' tests kien wieħed mill-inqas fl-aħħar ġimgħat hekk kif saru 574 test u erba' persuni rriżultaw pożittivi għall-COVID-19.
It-total tal-każi f'Malta huwa ta' 431 u li minnhom 302 huma attivi.
Gauci nnutat kif fi tmiem il-ġimgħa qed ikun hemm inqas persuni li jmorru jagħmlu t-test, b'uħud ikollhom l-appuntament u ma jmorrux għalih.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika appellat biex min ikollu l-appuntament, anke jekk is-sintomi telqu, xorta waħda jmorru għall-appuntamenti għax il-virus ikun għadu hemm u jkun għadu infettiv, jiġifieri jista' jkun trasmess.
Il-każi l-ġodda:
Mill-każi l-ġodda jirriżulta li pajzent wieħed biss kien fil-komunità, hekk kif tlieta mill-każi l-ġodda huma immigranti residenti fiċ-Ċentru ta' Ħal Far.
Ir-raġel li jgħix fil-komunità għandu 59 sena, ma jaħdimx u għalhekk kellu biss kuntatt ma' persuni li jgħixu miegħu.
It-tliet immigranti fiċ-ċentru miftuħ ta' Ħal Far għandhom 17, 18 u 24 sena. B'kollox, f'dan iċ-ċentru hemm 38 resident li għandhom il-COVID-19.
L-immigranti bil-coronavirus qed jinżammu fi kwarantina fl-istess ċentru, filwaqt li l-bqija tar-residenti jinsabu fi kwarantina għal 14-il jum ieħor.