Malta laħqet il-quċċata tal-kurva? Charmaine Gauci tispjega
Gauci saħqet li l-pjanijiet ma jiqfux għax in-numri huma żgħar waqt li saħqet li Malta trid tkun lesta għal kull eventwalità
More in Politika
Gauci saħqet li l-pjanijiet ma jiqfux għax in-numri huma żgħar waqt li saħqet li Malta trid tkun lesta għal kull eventwalità
Għal darb’oħra, in-numri ta’ każi ġodda ta’ COVID-19 f’Malta huwa wieħed baxx. Illum, minn erba’ każi pożittivi, tlieta minnhom huma residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far li jinsab taħt kwarantina.
Mistoqsija jekk Malta laħqitx il-quċċata tal-kurva, anke għax kien qed ikun imbassar li Malta tilħaq il-peak f’nofs jew lejn l-aħħar ta’ April, is-Supretendent Charmaine Gauci spjegat li n-numri ta’ każi għadu qed ivarja.
Fi kliemha, anke jekk in-numri huma pjuttost żgħar, l-awtoritajiet iħarsu lejn it-tendenza u sa issa kollox jindika li l-każi għadhom qed jiżdiedu.
Mistoqsija wkoll jekk ġaladarba r-ritmu tal-każi l-ġodda huwa baxx, għadhomx tal-idea li jkomplu jiżdiedu s-sodod, anke permezz tal-pre-fabricated hospital, is-Supretendent Gauci frakkret li Malta mill-ewwel ħejjiet għal kull eventwalità u hekk se jibqa' jsir.
Fi kliemha, l-istrateġija ta’ Malta hija li r-rata tinżamm baxxa kemm jista’ jkun biex is-sistema tas-saħħa tkun tista’ tlaħħaq.
“Il-pjanijiet tagħna ma jiqfux meta nibdew naraw numri żgħar. Irridu nkunu lesti anke għax jista’ jkun hemm peak oħra,” spjegat Gauci.
Mistoqsija wkoll dwar sondaġġ li wera li r-rata ta' trasmissjoni naqset, is-Supretendent saħqet li l-għan tal-awtoritajiet huwa li din ir-rata tibqa' tonqos.
Madanakollu fakkret li din ir-rata tiddependi fuq il-koperazzjoni tal-pubbliku għax din tinħadem fuq l-għadd ta' persuni li jersqu għat-test. Għalhekk tenniet l-appell tagħha biex min għandu s-sintomi, iċempel il-111 biex ikun iggewidat u biex min ingħata appuntament imur għalih.
Fakkret li l-metodu tat-testijiet li qed isir Malta huwa l-aktar irrakomandat madwar id-dinja.