Id-Deputat Laburista fuq it-Tielet Distrett Jean Claude Micallef illum mistenni jħabbar proposta fuq inizzjattiva personali biex fin-naħa ta' isfel ta' Malta jkun hemm żona li hija ddedikata għal dawk kollha li jixtiequ jmorru bil-caravan viċin il-baħar jew inkella jikkampjaw. Jekk il-proposta ta' Micallef tkun aċċettata din tkun l-ewwel żona simili fin-naħa ta' isfel tal-pajjiż hekk kif żona simili - organizzata u fil-parametri tal-liġi - diġa' teżisti fin-naħa ta' fuq tal-pajjiż, preċiżament fl-Amier.
Micallef kien voċiferu kontra t-tpoġġija ta' caravans f'żoni bħal Bajja ta' San Tumas li jitħallew fil-post u li mhux l-ewwel darba li għalqu l-aċċess għall-bajja jew inkella okkupaw parti mhux ħażin mill-istess bajja pubblika. Sa Marzu li għadda stess reġa kien hemm numru kbir ta' lmenti u rabja għall-fatt li meta kulħadd kellu jibqa' d-dar minħabba l-Covid-19, il-Bajja kienet diġa' miżgħuda bil-caravans. Kien irrapportat ukoll illi saru ħafna ilmenti mal-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn. Sitwazzjoni simili tippersisti fil-Bajja tal-Mistra.
Inizjattivi simili, sa issa dejjem waqgħu fuq widnejn torox, b'applikazzjoni għal Caravan Park li saħansitra tmur lura għall-2013, qatt ma mmaterjalizzat.