€15,000 mill-IIP għal kompjuters, laptops u tablets lil studenti vulnerabbli

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat sostna li l-fondi mill-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment qed jagħtu kontribut qawwi fl-ekonomija ta’ pajjiżna

Il-Ministru Bonnici u ħdejh Is-Segretarju Parlamentari Muscat
Il-Ministru Bonnici u ħdejh Is-Segretarju Parlamentari Muscat

Donazzjoni ta’ €15,000 mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment se tmur biex ikunu provduti kompjuters, laptops jew tablets lil dawk l-istudenti vulnerabbli li m’għandhomx u għalhekk b’din l-għajnuna dawn ikunu jistgħu jkomplu bit-tagħlim tagħhom online.

Din id-donazzjoni mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment ġiet ippreżentata lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.

Il-Ministru Bonnici qal li fċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom il-Gvern xtaq li l-ebda tifel jew tifla ma jbatu intortament fis-settur edukattiv.

"It-tagħlim kompla għaddej b’mod online pero rajna li kien hemm ċertu studenti li ma kellhomx il-faċilità tal-internet id-dar kif ukoll kien hemm min ma kellux kompjuter biex ikompli bit-tagħlim tieghu. Lil dawn it-tfal sibna mezz kif ngħinuhom sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jkomplu bix-xogħol tal-iskola. Nixtieq nirringrazzja lil dawk il-kumpaniji li avviċinawna biex jgħinuna huma wkoll sabiex l-ebda tifel u tifla ma jaqgħu lura fl-istudji tagħhom.”

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat sostna li l-fondi mill-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment qed jagħtu kontribut qawwi fl-ekonomija ta’ pajjiżna. “Illum iktar minn qatt qabel, inkomplu nesiġu l-importanza ta’ dan il-programm, fejn qed naraw li bil-miżuri ekonomiċi li qed infasslu, qed insostnu l-ekonomija tagħna f’dawn iż-żminijiet iebsa."

Preżenti għall-konferenza stampa kien hemm ukoll numru ta’ kumpaniji u individwi li fil-jiem li għaddew taw kompjuters jew laptops jew tablets jew donazzjoni lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għal dan il-għan.

 

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol diġà ra li baqa’ jitqassam l-ikel lil dawk it-tfal fuq Skema 9.

 

More in Politika