Jason Azzopardi iwarrab minn avukat ta' Repubblika fil-każ tal-AFM
... u l-Partit Laburista jitlob lil Delia jieħu azzjoni kontra Jason Azzopardi
More in Politika
... u l-Partit Laburista jitlob lil Delia jieħu azzjoni kontra Jason Azzopardi
Jason Azzopardi mhux se jibqa' jirrapreżenta lil Repubblika fil-każ li din fetħet kontra l-AFM, b'mod speċjali l-ekwipġaġġ tal-P52, b'akkużi ta' tentattiv ta' qtil ta' immigranti.
"Din kienet deċiżjoni difficli għax kien privileġġ għalija li nassisti lill-klijenti tiegħi fl-isforz tagħhom li jħarsu d-drittijiet tal-bnedmin kollha mingħajr distinzjoni ta’ razza," qal Azzopardi f'messaġġ fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook.
Dan seħħ fid-dawl ta' informazzjoni żvelata lbieraħ illi Repubblika rċeviet informazzjoni ġdida li tista' tneħħi kull akkuża minn fuq l-AFM ta' ksur ta' liġi jew tentattiv ta' qtil. L-akkużi kontra l-AFM saru mill-NGO Alarm Phone u kienu addottati minn Repubblika li fetħet proċeduri hekk kif qalet li l-Gvern ma rreaġixxiex jew ma ċaħadx l-akkużi. L-NGO Alarm Phone qalet illi immigrant akkuża lill-AFM illi qatgħu l-ħabel ta' dgħajsa bl-immigranti li kienet qed tinġarr mill-P52, biex b'hekk l-immigranti ma jkunux salvati.
'M'inix se nħali lill-Prim Ministru jużani bħala arma '
"Jiena ma rrid b’ebda mod li x-xogħol professjonali tiegħi bħala avukat jintuża mill-Prim Ministru bħala arma biex jaljena l-poplu mill-kwestjonijiet ta’ sustanza u tar-realtá, meta hu bħala avukat messu jaf ħafna aħjar minn hekk."
Huwa qal illi jekk ikun hemm xi kwistjonijiet oħrajn politikament sensittivi, li hu se jkun qed jirrapreżenta bħala avukat "nimpenja ruhi li nikkonsulta mat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qabel naccetta tali inkarigi legali."
Il-PL lil Adrian Delia: 'Ħu azzjoni'
Intant il-Partit Laburista, fi stqarrija sostna li Jason Azzopardi, avukat u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, huwa responsabbli għall-proċeduri miftuħa kontra l-AFM.
"L-ewwel kien pront għamel l-akkuża, imbagħad wara li rriżulta li kienet falza mar jipprova jinħeba, iżda l-ebda stqarrija li joħroġ jew kelma li jgħid ma qatt tista’ tiskolpah minn dan l-att ta’ stemerrija li għamel motivat minn mibgħeda politika."
"Ma jistax ikun li Kelliem għall-Ġustizzja jaħrab mill-inġustizzja li wettaq huwa stess b’għemilu u b’kitbietu fil-konfront ta’ min jaħdem lejl u nhar b’risq il-pajjiż. L-akkuża ta’ qtil mhijiex akkuża kwalunkwe, hija akkuża gravi li ġġib konsegwenzi kbar."
Għalhekk il-PL talab li tittieħed azzjoni mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kontra Azzopardi.