'Għadha għaddejja analiżi fid-dettall fuq liema restrizzjonijiet jistgħu jkunu rrilaxxati' - Gauci

Gauci tenniet li l-importanti huwa li anke wara li jiġu rrilaxxati dawn il-miżuri, irid jibqa' jkun hemm monitoraġġ

Wara li lbieraħ id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li r-restrizzjonijiet jistgħu jibdew jiġu rrilaxxati "fil-jiem li ġejjin," is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, saħqet li għadha għaddejja l-analiżi fuq liema restrizzjonijiet jistgħu jiġu rrilaxxati.

Charmaine Gauci spjegat li l-awtoritajiet tas-saħħa għandhom "strateġija ta' tranżizzjoni," u għaldaqstant għadhom għaddejin l-istudji dettaljati fuq liema miżuri jistgħu jkunu llaxkati, meta u anke kif.

Tenniet li l-importanti huwa li anke wara li jiġu rrilaxxati dawn il-miżuri, irid jibqa' jkun hemm monitoraġġ għax fi kliemha, "ma nistgħux nirriskjaw li jkollna firxa fil-popolazzjoni tagħna."

Saħqet li jekk ikun hemm firxa, din se tfisser aktar nies li jimirdu, persuni li jiżviluppaw kumplikazzjonjiet u aktar pazjenti li jkollhom bżonn jidħlu l-isptar.

Fi kliemha, ir-rilaxx tar-restrizzjonijiet jista' jkun possibbli biss jekk ir-rata ta' każi ġodda tibqa' waħda baxxa u r-rata tat-trasmissjoni tkun taħt il-1%.

Spjegat li l-awtoritajiet kienu qed jippjanaw għal numri akbar, iżda l-fatt huwa li l-miżuri li ttieħdu ħallew ir-riżultati. 

Appellat għalhekk biex kulħadd jibqa' jsegwi r-restrizzjonijiet waqt li saħqet li għandna stampa ċara b'dak li ġara barra minn Malta meta poplu ma' kkoperax.

Aqra wkoll:

Għat-tieni jum konsekuttiv Malta għandha każ wieħed ġdid ta' COVID-19; 39 oħra jfiequ

More in Politika