Birdlife f'diskussjoniiet biex tieħu l-każ tal-liċenzji tal-kaċċa quddiem il-Qorti

... dan wara li l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija qal li l-Pulizija m’għandha l-ebda awtorità biex tieħu azzjoni f’dan ir-rigward

Il-konferenza ill fiha Birdlife ppreżentat kwerela dwar il-liċenzji tal-kaċċa
Il-konferenza ill fiha Birdlife ppreżentat kwerela dwar il-liċenzji tal-kaċċa

F’ittra mibgħuta mill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija lil BirdLife Malta ftit aktar minn 24 siegħa wara li l-għaqda ssottomettiet l-Kwerela biex ikun mitlub li jiġu rtirati l-liċenzji tal-kaċċa  - li skont Birdlife nħarġu b’mod illegali mill-Ministeru għal Għawdex - l-Aġent Kummissarju Carmelo Magri wieġeb li l-Pulizija m’għandha l-ebda awtorità biex tieħu azzjoni f’dan ir-rigward, kif mitlub minn BirdLife Malta.
 
Fi stqarrija Birdlife qalet illi fir-risposta tiegħu l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija jispjega kif mhux kompitu tiegħu li jistabbilixxi jekk il-liċenzji tal-kaċċa nħarġux mill-Ministeru għal Għawdex b'mod abbużiv, minflok inħarġu mill-Minusteru għall-Ambjent. 

L-ittra tkompli tfakkar illi kieku kellu jagħmel hekk, dan ikun ’il fuq mill-poteri li tagħtih il-liġi għax id-dmir tal-pulizija hu li tinforza l-liġijiet li jkunu twaqqfu mill-awtoritajiet kompetenti.
 
"Filwaqt li joqgħod lura milli jgħid li BirdLife Malta għandha tieħu din ilkwistjoni quddiem il-Qorti, l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija jikkonkludi billi jissuġġerixxi li l-istat għandu istituzzjonijiet ad hoc li għandhom is-saħħa legali li jivverifikaw il-validità tal-liġijiet.  Fid-dawl ta’ din it-tweġiba issa BirdLife Malta qed tieħu parir fuq l-aħjar triq ’il quddiem sabiex tindirizza l-każ fil-Qrati."
 
BirdLife Malta tenniet l-pożizzjoni tagħha li "l-ebda tgħawwiġ tal-fatti, attentat ta’ spin, jew intimidazzjoni mhuma se jwaqqfuha li tieħu dik l-azzjoni skont id-drittijiet li tagħtiha l-liġi bħala parti mis-soċjetà ċivili u l-uniku interess tagħha jibqa’ l-ħarsien tal-ambjent naturali għall-benefiċċju tal-ġid komuni." 

More in Politika