Intervista | 'Id-djalogu soċjali, flok issaħħaħ kważi kkrolla ... kulħadd jaqdef għal rasu'
Wara li l-ġimgħa l-oħra l-ILLUM kellmet lill-GWU, din il-ġimgħa nagħtu ħarsa lejn is-suq tax-xogħol u r-realtajiet tal-ħaddiem bħalissa mal-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers Josef Vella
minn Albert Gauci Cunningham
“Naħseb li kulħadd jaqbel li s-saħħa tiġi qabel l-ekonomija għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, biex l-ekonomija terġa’ tieħu r-ruħ għandna bżonn ħaddiema fil-kwantità u b’saħħithom”. Hekk saħaq Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, f’intervista li saret mill-gazzetta ILLUM.
Josef Vella jgħid li ikbar ma jkun in-numru ta’ ‘vittmi’ minn din kriżi, iżjed se jkun id-dewmien biex nirkupraw minn din il-burraxka.
Kif tiddeskrivi s-suq tax-xogħol bħalissa?
Ara, kollox jiddependi minn liema settur topera fih. B’mod ġenerali qed naraw suq tax-xoghol bi kriżijiet u problemi li la biċċiet minnhom ma rajna bħalhom fin-natura u lanqas fl-ammont. Żgur qatt ma rajna lukandi, ristoranti, bars, swali taċ-ċinema, gyms, casinos, banek tal-lottu, skejjel, ħwienet ta’ affarijiet mhux essenzjali kollha magħluqin f’daqqa. Żgur qatt ma rajna sensji, tnaqqis ta’ pagi, tnaqqis fil-kundizzjonijiet tal-impjieg u tnaqqis ta’ salarji f’daqqa fuq dan il-livell massiv. Bla dubju ta’ xejn din kienet sajjetta fil-bnazzi għax filli kellna full-employment u filli mil-lum għal għada ġara dan kollu msemmi hawn fuq.
Qed jiġu fuqek ħaddiema li qed jitilfu xogħlhom? Minn liema setturi l-aktar? X'qed jitolbukom bħalissa?
Qed naraw ħaddiema li tilfu xogħolhom minn diversi setturi, l-aktar dawk li kienu ordnati jagħlqu bil-liġi, dawk li kienu joffru servizzi lir-ristoranti u lukandi kif ukoll servizzi ta’ manutenzjoni bħal dawk mogħtija minn electricians, plumbers, bajjada, mechanics u technicians. Ħafna minn dawn il-postijiet tax-xogħol bagħtu lill-ħaddiema d-dar.
L-iktar li qed ibatu huma dawk is-servizzi li ġew drastikament milqutin fl-introjtu tagħhom u lanqas biss huma koperti mill-iskema tal-wage supplement tat-€800.
Ħafna qed jitolbu li l-iskema tat-€800 tiġi estiża biex tkopri firxa iżjed wiesgħa ta’ postijiet tax-xogħol fi skema A li għandhom ikopru lil dawk li d-dħul naqas b’50 fil-mija.
Hemm każi ta' abbużi fejn impjegaturi keċċew ħaddiema mill-ewwel jew b'mod illegali? Tista' ssemmi xi wħud li inti taf bihom?
Bħala union xogħolna hu li naraw li postijiet tax-xogħol li għandhom relazzjoni ta’ ħidma magħna, ikkonsultaw u qablu mal-union f’kull miżura li ttieħdet. Ninsabu sodisfatti li ħafna mill-membri tagħna żammew l-impieg tagħhom, bil-maġġoranza żammew il-paga bażika tagħhom. Iżda dan mhux l-każ ta’ kulħadd; hemm ħafna ħaddiema li tkeċċew mill-ewwel anke saħansitra qabel ma ħarget il-COVID-19 f’pajjiżna. Kellna oħrajn li ġew redundantimmedjatament kif faqqgħet l-kriżi. L-aktar gravi huma dawk l-employers illi ħadu l-iskema ta’ €800 f’għajnuna mill-Gvern iżda qabel ma tefgħu lill-ħaddiema fuq tali skema ġiegħluhom jutilizzaw il-vacation leave kollu sa dik l-ġurnata. F’każ bħal dan il-Gvern ħareġ €800 fuq kull ħaddiem, l-employer ħareġ €400 u kien hemm kazijiet ta’ ħaddiema li, bejn telf ta’ paga u telf ta’ vacation leave, tilfu iżjed minn €400. Dan biex ma nsemmux impjegaturi li ħadu l-iskema ta’ €800 mill-Gvern u ddeċidew li ma joħorġux l-€400 huma bil-pretest li se jżommuhom fuq il-kotba tagħhom. Dan juri biċ-ċar li għalkemm sar ftehim bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali, mhux kulħadd żamm mal-parametri tiegħu tant li kien hemm min kissru u ħa vantaġġ mis-sitwazzjoni.
Dawn l-ezempji rajnihom f’lukandi, uħud mill-iskejjel tal-Ingliż, casinos, ristoranti u ħaddiema impjegati ma’ persuni self-employed u negozji żgħar.
X'qed tagħmel il-unjin li tmexxi biex tara illi dak kollu li qed jittieħed mill-ħaddiema - bħal leave u tnaqqis fil-pagi - jingħata lura ladarba jgħaddi kollox?
L-ewwelnett, kif diġà spjegajt iżjed ‘il-fuq, il-membri tal-union mhumiex milqutin drastikament u, it-tieni, kwalunkwe arranġament li qed isir matul il-perijodu ta’ COVID-19, qed ikun irreġistrat bi skrittura u fejn hemm bżonn jiddaħħal id-Dipartiment ta’ l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER).
Eluf ta' ħaddiema għadhom mhux qed igawdu minn ebda miżura tal-Gvern, ħafna negozji, aġenti ta' proprjetà, fabbriki u oħrajn. Eluf ta' ħaddiema għandhom l-impjieg imdendel. X'qed tagħmel il-unjin biex tgħin lil dawn in-nies?
Il-union tista’ topera bħala tali fejn il-ħaddiema fil-post tax-xogħol ikollhom pjaċir biha. F’dawn il-postijiet elenkati, minbarra l-fabbriki, ħafna minnhom sfortunatament mhumiex unionised. Bla dubju ta’ xejn li fi żminijiet bħal dawn l-iżjed li se jbatu huma ħaddiema li m’għandhomx protezzjoni tal-union u lanqas m’għandhom min jirrapreżentahom u jressqilhom il-każ quddien id-DIER.
Dawk il-ħaddiema bi ftehim kollettiv ġew affettwati? Kif?
Għandna postijiet tax-xogħol bi ftehim kollettiv li, iżda, ma ġewx milquta mill-COVID-19 fejn tidħol il-produttività; anzi x-xogħol żdied mhux naqas. Eżempju ta’ dan huma s-servizzi mogħtija mill-frontliners u servizzi essenzjali oħrajn. Minn dawn il-postijiet, tista’ tgħid li l-kundizzjonijiet kollha tal-ftehim kollettiv ġew miżmuma b’xi aġġustamenti fejn jidħol roster bħala prekawzjoni sabiex xift ma jiltaqax ma’ ieħor.
Fil-maġġoranza tal-postijet tax-xogħol l-oħra, li huma koperti bi ftehim kollettiv, saru taħditiet li biex jiġu segwiti d-direttivi tal-awtoritajiet tas-Saħħa ddaħħlu proċeduri oħrajn ta’ kif isir ix-xogħol. L-aktar eżempju ċar huwa l-possibbiltà li x-xogħol isir mid-dar.
Hemm ċertu istanti li xi allowances marbutin ma’ dmirijiet partikulari jew xift jistgħu jiġu mnaqqsa, għax tali sitwazzjoni koperta minn dik l-allowance m’ghadhiex teżisti, bħal shift allowance meta x-xift m’għadux jinħadem.
Il-union tappella lill-Gvern biex ma jiħux miżura fejn jaqta’ allowances across the boardmingħajr ma jikkunsidra s-sitwazzjoni partikulari u jikkonsulta mal-union. Dan ifisser li ġaladarba li l-Gvern jieħu miżura unilaterali, allura jkun hu li jabbanduna l-proċess tad-djalogu soċjali.
X'inhi l-akbar theddida vera għaż-żmien li ġej għax-xogħol u l-investiment?
L-akbar thedida hija l-inċertezza li ħadd ma jaf kemm se jdum dan l-perijodu u kemm se ndumu biex nirkupraw, u jekk hux se tibqa’ bħala esperjenza impattata f’moħħna li tbiddel l-attitudnijiet tal-għixien u tnaqqsilna l-kuraġġ tar-riskju fl-investiment.
Problema oħra hija dwar kemm se jkun hawn ‘vittmi’ ekonomiċi, ‘vittmi’ tal-qgħad u ‘vittmi’ ta’ falliment. Bla dubju, ikbar ma jkun in-numru ta’ vittmi iżjed se jkun id-dewmien biex nirkupraw minn din l-kriżi.
Taħseb li l-mod kif il-Gvern qed iħabbar l-għajnuna - biċċa, biċċa - tagħmel sens?
Dak li qed jinkwieta lil din il-union huma żewġ affarijiet. L-ewwel, li sar ftehim bejn l-imsieħba soċjali u l-Gvern, fejn sfortunatament ħafna huma dawk li qed jinterpretawh kif jidhrilhom huma. Konsegwentament għandna ħaddiema li mhumiex qed jibbenefikaw minn dan il-pakkett skond kif miftiehem. Għandna ħaddiema li waqt li nżammew fuq il-kotba tal-post tax-xogħol, mhumiex qed jieħdu €400 mingħand l-impjegatur; għandna ħaddiema li ġew sfurzati li minbarra li jċedu l-€400 tal-paga jċedu wkoll il-leave kollu bla ħlas u mingħajr lanqas biss jeħduh. Għandna ġenituri li t-tnejn jaħdmu mal-Privat u m’għandhomx ma’ min iħallu ‘l uliedhom. Filwaqt li l-miżura titlob li wieħed mill-ġenituri jmur d-dar bil-benefiċċju ta’ €800, il-verità hi li dan l-impjegatur qed jgħidilhom li jekk tmur d-dar b’din il-miżura jien nagħmlek redundant jew mhux approvat.
L-aktar gravi huma dawk l-employers illi ħadu l-iskema ta’ €800 f’għajnuna mill-Gvern iżda qabel ma tefgħu lill-ħaddiema fuq tali skema ġiegħluhom jutilizzaw il-vacation leave kollu sa dik l-ġurnata
It-tieni fattur li qed jinkwieta lill-union hu li f’din il-konfużjoni kollha d-djalogu soċjali, flok issaħħah kważi kkrolla u kulħadd qed jaqdef għal rasu u jfittex li jipproteġi l-interessi tiegħu biss. Il-union ukoll tinsab inkwetata li l-aħħar pakkett miftiehem kien nieqes minn dettalji u ħallejna lil kulħadd jimla l-vojt ta’ dawn d-dettalji għal rasu.
Infakkar li l-istess Gvern, bħala employer, ukoll qed jagħti direzzjoni sabiex jinqatgħu l-allowances across the board mingħajr ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-unions. Dan żgur mhux aċċettabbli għal din il-union.
X'inhu l-appell tiegħek lill-ħaddiema, il-pensjonanti u self-employed f'dan il-mument iebes?
L-ewwel appell huwa wieħed ta’ saħħa fejn kulħadd għandu jsegwi d-direzzjoni mogħtija lilna mill-awtoritajiet tas-Saħħa. Dan huwa l-mument fejn kulħadd għandu jkun responsabli u jara li la jesponi lilu nnifsu b’riskju żejjed, u lanqas lil ħaddiehor. Huwa żmien importanti fejn il-ħaddiem irid jifhem iċ-ċirkustanza u li żgur li se jkun hemm min jintlaqat ħażin. Filwaqt li huwa importanti li l-ħaddiema jridu jagħtu l-biċċa tagħhom, importanti wkoll li jaraw li dak li hu dovut lilhom jasal għandhom. F’sitwazzjoni bħal din, li ħaddiem jieħu parir mingħand il-union tiegħu huwa l-ideali. Kemm biex l-union tiggwida lil dak li jkun għal inqas impatt possibbli, kif ukoll biex il-union tkun infurmata b’dak li jkun għaddej fis-suq tax-xogħol u tkun tista’ tirrapreżenta lill-ħaddiema aħjar fuq il-mejda tan-negozjati nazzjonali.
Bħalissa qed jingħad il-kliem stay safe, stay home. Nifhmu li għandna diversi ħaddiema li ma jistgħux jagħmlu dan minħabba in-natura tax-xogħol tagħhom. Għal dawn in-nies, ir-realtà hija differenti. Lil dawn il-ħaddiema ngħidulhom grazzi u we can stay safe because you responsibly cannot stay at home.
Il-fatt li ħafna immigranti issa qegħdin fuq kwarantina, kif affettwa l-postijiet tax-xogħol fejn jaħdmu?
Ovvjament kull ħaddiem li jiġi kwarantinat huwa ħaddiem nieqes mis-suq tax-xogħol bid-diffikultajiet li dan iġib miegħu. Iżda naħseb li kulħadd jaqbel li s-saħħa tiġi qabel l-ekonomija għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, biex l-ekonomija terġa’ tieħu r-ruħ għandna bżonn ħaddiema fil-kwantità u b’saħħithom.