Daqshekk żvilupp jew estensjonijiet ta' pompi tal-petrol f'ODZ f'reviżjoni b'10 bidliet
Il-Ministru Aaron Farrugia jgħid li għadda wisq żmien minn meta bdiet id-diskussjoni dwar il-bidla fuq din il-policy u jesprimi s-sodifazzjoni li llum 'għandna dawn ir-riżultati'
minn Albert Gauci Cunningham
II-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia ħabbar ir-reviżjoni fil-Fuel Stations Policy - riforma li bdiet ukoll wara protesti ħarxa prinċipalment mill-Moviment Graffitti fuq l-approvazzjoni ta' bosta pompi tal-petrol madwar il-pajjiż.
B'kollox il-Gvern se jkun qed jattwa 10 bidliet li huma:
- Limitu massimu fuq l-ammont ta’ pompi tal-fjuwil f’Malta u f’Għawdex.
- Pompi tal-fjuwil eżistenti biss jistgħu jiġu kkunsidrati għar-rilokazzjoni.
- Kwalunke pompa tal-fjuwil eżistenti trid tkun qed toħloq impatt negattiv fuq l-ambjent mibni biex din tiġi kkunsidrata għar-rilokazzjoni.
- Estensjonijiet ta’ pompi tal-fjuwil eżistenti, li huma parzjalment jew kollha kemm huma fuq art barra miż-żona ta’ żvilupp, mhux se jiġu aċċettati.
- Siti ’l barra miż-żona ta’ żvilupp (ODZ) relatati ma’ agrikoltura, u siti iżolati jew sporadiċi mhux se jiġu kkunsidrati anke jekk għandom permessi maħruġa u artijiet kommessi qabel l-1967.
- Id-daqs massimu ta’ pompa tal-fjuwil tnaqqas minn 3,000m² għal 1,000m², inklużi faċilitajiet anċillari.
- L-għoli ta’ pompi tal-fjuwil ma jistax jaqbeż is-seba’ metri.
- Siti fl-ODZ viċin SMEs, u Areas of Containment mhux se jkunu aċċettati għall-pompi tal-fjuwil. Siti li huma Open Storage Areas mhux se jkunu kkunsidrati.
- Qed jerġa’ jiġi introdott buffer zone bejn pompi tal-fjuwil ġodda u binjiet meqjusa vulnerabbli. Mhux se jkun aċċettabbli li tinbena pompa tal-fjuwil f’distanza inqas minn 500 metru minn pompa oħra eżistenti.
- Il-politika l-ġdida se tapplika wkoll għal kull applikazzjoni pendenti għall-bini ta’ pompa tal-fjuwil.
II-Ministru Farrugia qal li dawn il-bidliet qed ifasslu l-pedamenti għal viżjoni ta’ ppjanar intelliġenti għal pajjiżna, f’bilanċ bejn kunsiderazzjonijiet ambjentali u dawk ta’ ppjanar. “Il-politika riveduta tpoġġi limitu massimu għan-numru ta' pompi tal-fjuwil li jista’ jkollu pajjiżna. Apparti minn hekk, qed nintroduċu numru ta’ limitazzjonijiet għar-rilokazzjoni. Din ir-riforma tħares kemm il-ġid tal-komunitajiet residenzjali, kif ukoll tipproteġi l-ambjent. Għadda wisq żmien minn meta bdiet id-diskussjoni dwar il-bidla fuq din il-policy, sodisfatt li llum għandna dan ir-riżultat," il-Ministru Farrugia.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Awtorità tal-Ippjanar Martin Saliba qal li l-PA tinsab kunfidenti li permezz tal-Fuel Stations Policy il-ġdida se jkun qed jinstab bilanċ tajjeb. “Inħossu li din il-politika se tkun qed tillimita t-teħid ta’ art għall-bini ta’ pompi tal-fjuwil fil-futur, fejn se tippermetti l-bini biss f’każi ġenwini u f’każi fejn il-post fejn dawn il-pompi tal-fjuwil jinsabu fil-preżent ikun qed joffri tħassib għas-saħħa u għas-sigurtà tan-nies”.
L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-ERA Michelle Piccinino qalet li l-ERA kellha sehem importanti fit-tfassil ta’ din il-politika, b’diversi bidliet li pproponiet jiġu inkorporati fl-aħħar abbozz. Għalhekk illum għandna politika rigward il-pompi tal-fjuwil li filwaqt li tħalli rilokazzjoni minn siti li fihom infushom huma problematiċi, hemm is-salvagwardji neċessarji għal siti li jinsabu ’l barra miż-żona ta’ żvilupp.
'Għalkemm il-Gvern dam ... nilqgħu b'sodisfazzjon' - Moviment Graffitti
Intant fl-ewwel reazzjoni l-Moviment Graffitti laqa' din ir-reviżjoni li fakkar illi ilha mistennija għal ħafna żmien. "Il-policy il-ġdida, filwaqt li mhijiex perfetta, hija ħafna aħjar mill-policy tal-2015 li kienet tippermetti pompi tal-petrol u faċilitajiet kummerċjali ta’ 3,000 metru kwadru fuq ODZ."
Il-Moviment kompla jgħid illi għalkemm il-Gvern dam sentejn u ħames xhur sabiex jirrevedi din il-policy, "nilqgħu b’sodisfazzjon din ir-reviżjoni u nistennew bil-ħerqa t-tibdil f’policies oħra problematici ferm, bħal dawk li jirrigwardaw iż-żoni rurali jew il-limitazzjoni fl-għoli tal-bini."