Grupp ta' NGOs qed jitlob lill-gvern sabiex jippubblika immedjatament it-termini sħaħ ta' kwalunkwe ftehim fuq it-trasferiment tal-ispazji miftuħa tal-Miżieb u l-Aħrax lill-FKNK, li ġie żvelat aktar kmieni din il-ġimgħa permezz tal-midja. L-NGOs huma mħassba li permezz ta' dan il-ftehim, il-poplu mhux se jkun jista' jgawdi dawn iż-żoni għal perjodu ta’ mill-inqas disa' fuq tnax-il xahar, meta jikkunsidra li l-lobby tal-kaċċa tixtieq aċċess esklussiv matul l-istaġuni miftuħa għall-kaċċa tas-summien, tal-gamiem, kif ukoll tal-fniek.
Fl-istqarrija tagħha, il-koalizzjoni tal-NGOs qed tistaqsi għaliex l-għeluq tal-aċċess ta’ dawn iż-żewġ postijiet ta’ rikreazzjoni popolari u t-trasferiment tagħhom lil waħda minn żewġ organizzazzjonijiet tal-kaċċaturi saret pubblika biss permezz tal-midja. Fil-proposta tiegħu lill-Kabinett, il-Prim Ministru mhux biss qabeż lill-Awtorità tal-Artijiet iżda wkoll injora s-sentimenti tal-pubbliku, li jgawdi aċċess għal dawn iż-żoni għal mixjiet, pikniks u għall-ikkampjar.
“L-ebda dettalji dwar dan il-ftehim ma saru pubbliċi. Dan żgur mhux il-mod kif jintużaw l-ispazji miftuħa u nemmnu bis-sħiħ li l-pubbliku, u mhux lobby waħda biss, għandu jingħata prijorità fl-aċċess għall-ispazji rikreattivi. F’dan il-mument partikolari, meta l-biċċa l-kbira tal-pajjiż qed jiżola lilu nnifsu d-dar, insibuha diżgustanti ferm li lobby tista’ tingħata żewġ spazji miftuħa kbar bħal dawn, mingħajr konsultazzjoni xierqa u fis-segretezza totali. Din mhix it-trasparenza fill-lobbying li ġejna mwiegħda. Barra minn hekk, il-gvern m'għandux mandat elettorali biex jagħti l-ispazji miftuħa lil-lobbies."
L-NGOs, li jirrappreżentaw sferi differenti u interessi pubbliċi, speċjalment dawk fil-preservazzjoni tal-ambjent naturali, qegħdin kompletament joppunu:
● il-limitazzjonijiet fuq l-aċċess pubbliku xieraq għal postijiet ta’ amenità naturali, b'mod partikolari sabiex ipaxxu parti żgħira minn grupp ta’ minoranza;
● il-kontinwazzjoni tal-mod kif jiġu governati l-assi pubbliċi;
● il-mod li bih il-Kabinett qed jittratta l-assi pubbliċi daqslikieku huma assi personali.
L-NGOs qed jitolbu wkoll laqgħa urġenti mal-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ambjent, fid-dawl tan-nuqqas apparenti ta' oppożizzjoni għal dan il-proġett mill-Kabinett innifsu. Id-deċiżjoni għandha tiġi posposta sakemm ikun hemm proċess ta’ konsultazzjoni pubblika xierqa, u jaffermaw l-intenzjoni tagħhom li jikkontestaw kwalunkwe deċiżjoni meħuda dwar din il-kwistjoni bi kwalunkwe mod possibbli.
L-għaqdiet li ffirmaw din l-istwarrija huma , l-Archaeological Society of Malta, Bicycle Advocacy Group, BirdLife Malta, Din L-Art Ħelwa, Extinction Rebellion Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Futur Ambjent Wieħed, Għaqda Siġar Maltin, Isles of the Left, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Outdoor Recreation and Camping Association Malta u Ramblers Association Malta.
Iktar tard ffirmaw ukoll NASoM (Noise Abatement Society Malta) u l-Kamra tal-Periti.