Il-proġetti kollha tat-toroq iġġammjati minn għada ... il-Gvern b'erba' għażliet

Infrastructure Malta twaqqaf ix-xogħol fuq it-toroq kollha għax il-kuntratturi jgħidu li m'hemmx fejn tarmi skart tal-kostruzzjoni. Il-Gvern jitħalla b'erba' għażliet ...

Minn għada, jieqaf ix-xogħol tat-toroq
Minn għada, jieqaf ix-xogħol tat-toroq

Il-Gvern għandu quddiemu erba' għażliet hekk kif il-proġetti tat-toroq, minn għada t-Tnejn, se jkunu kollha kemm huma weqfin u dan wara li l-kuntratturi qed jilmentaw li m'għadx fadal post fejn jarmu l-iskart tal-kostruzzjoni.

Sa issa jidher li l-Gvern għadu ma ddeċidiex liema kors ta' azzjoni se jieħu minkejja li minn għada il-proġetti kollha tat-toroq jieqfu, għalkemm jidher illi l-aktar għażla preferuta se taqa' fuq ix-xiri ta' barrieri mill-Gvern.

Sorsi differenti li tkellmu ma' din il-gazzetta sostnew li l-Gvern għad irid jiddiskuti u jiddeċiedi liema mill-' għażliet se jieħu.

L-għażliet quddiem il-Gvern: Jonora l-Prezz tas-suq
L-aktar għażliet ċari li għandu l-Gvern huma, l-ewwel - li jħalli s-sidien tal-barrieri jiddeterminaw il-prezz skont l-esiġenzi tad-domanda u allura s-suq, bil-prezzijiet bħalissa jkunu ta' €15 għal kull tunnellata ta' skart.  "Dawn il-prezzijiet kienu madwar €5 kull tunnellata u s-sena l-oħra ġie deċiż illi jintlaħaq ftehim biex il-prezz ikun ta' €8 kull tunnellata."

Dan is-sors qal li dan l-arranġament baqa' ma daħalx fil-prattika u llum il-prezzijet telgħu għal €15, bil-konsegwenza li dan il-prezz qed jimpatta bil-kbir fuq id-dħul tal-kuntratturi li jkunu rebħu tenders b'ammont partikolari ta' flus.

Sors differenti qal iżda li fil-fatt numru ta' kuntratturi diġa' għandhom il-barrieri tagħhom u għal xi raġuni iridu jibqgħu jużawhom għax-xogħol privat tagħhom, mhux għax-xogħol tal-Gvern ukoll.

Jimponi prezz, skont il-liġi

Il-Gvern quddiemu għandu wkoll l-għażla li skont liġi li kienet ddaħħlet fi żmien Gvern Laburista mmexxi minn Dom Mintoff, jimponi l-prezz, f'dan il-każ fuq tal-barrieri.

Sorsi qrib il-Gvern li tkellmu mal-ILLUM sostnew illi din  għażla li l-Gvern ma tantx jixtieq jieħu għaliex jekk il-prezz tas-suq huwa €15, ma jarax għalfejn għandu jindaħal fil-prezzijiet.

Nitfgħu fil-baħar

Iktar indeċiżjoni iżda teżisti fuq it-tielet għażla u allura dik li l-iskart tal-kostruzzjoni jintefa' fil-baħar.  Fil-verità din hija possibbli f'ċerti żoni fil-baħar u ġieli ġrat f'każi ta' proġetti privati lokali.  Sa issa din hija l-irħas għażla, għalkemm il-prezz ambjentali tagħha jaf ikun l-ogħla.
Din il-proposta jaf issib l-appoġġ pero wkoll l-aktar oppożizzjoni fil-Gvern u anke lilhinn, speċjalment fid-dawl tal-fatt li f'Malta għad hawn barrieri li mhumiex jintużaw.

Il-Gvern jixtri l-barrieri hu għall-iskart tal-kostruzzjoni ġġenerat minnu

Ir-raba' u l-aħħar għażla li għandu l-Gvern, hekk kif minn għada tiżdied sew il-pressjoni fuqu, hija li permezz ta' Infrastructure Malta jixtri barriera jew barrieri hu, biex fihom jitfa' l-iskart tal-kostruzzjoni li jiġġenera minn proġetti tiegħu stess.

Din l-għażla, minkejja li hija l-aktar waħda li tiswa' flus, jaf tkun l-aktar waħda li ssib appoġġ fil-Gvern u tkun meqjusa bħala l-aktar waħda li ssib kompromess.

Din il-kwistjoni ilha tqum bil-kuntratturi diversi drabi jipprotestaw dwar in-nuqqas ta' spazju fejn jistgħu jarmu l-iskart tal-kostruzzjoni kif ukoll prezzijiet dejjem jogħlew hekk kif kompliet dejjem tiżdied id-domanda.

Iżda laħqet il-qofol din il-ġimgħa meta Infrastructure Malta ħabbret li l-proġetti kollha tat-toroq se jieqfu b'effett minn għada.

Tant hi problema li saħansitra ħareġ permess biex skart tal-kostruzzjoni jintefa' fiż-żona industrijali ta' Ħal Far

More in Politika