Tal-ħwienet fis-sitt ġimgħa bla xogħol - in-negozji żgħar jifilħu għal aktar?

Eluf ta' ħwienet issa għaddew minn sitt ġimgħat magħluqin.  L-ILLUM titkellem ma' sidien ta' negozji  żgħar li għalqu l-bibien tagħhom.  Jifilħu għal ġimgħat oħra magħluqin?  Jaħsbu li l-Gvern għandu jirrilassa xi ftit il-miżuri biex jieħdu ftit tan-nifs?

.Issa dħalna fis-seba' ġimgħa minn meta faqqgħet il-coronavirus u sitt ġimgħat minn meta ġew ordnati jgħalqu eluf ta' stabbilimenti kummerċjali madwar il-pajjiż, biex eluf kbar ta' ħaddiema u self employed spiċċaw id-dar, bla impjieg.

Il-gazzetta ILLUM tkellemet ma' Julian Micallef, Marita Falzon, Mike Peplow u Amanda Micallef - erba' sidien ta' ħwienet differenti.  Julian Micallef huwa sid ta' ħwienet tal-ħwejjeġ u aċċessorji, Peplow huwa sid ta' salon tax-xagħar, Falzon hija sid ta' ħanut tad-dwiefer u Amanda Micallef hija sid ta' ħanut tas-sbuħija (beautician).

Lil dawn il-gazzetta staqsiethom żewġ mistoqsijiet

L-ewwelnett issa li għaddew ġimgħat u ħafna kirjiet għad iridu jitħallsu xorta filwaqt li xorta jista' jkun hemm pagi x'jitħallsu, kemm hi ħażina s-sitwazzjoni tan-negozju tiegħek ? Tiflaħ għal tliet xhur oħra kif qegħdin bħalissa?

U t-tieninett din il-gazzetta staqsiet lil Falzon, Peplow u lil Julian u Amanda Micallef jekk jaħsbu li bin-numri kif inhuma u s-sitwazzjoni kif inhi, wasalx iż-żmien li jkunu miftuhin ċerta ħwienet, imma taħt regoli stretta tal-iddistanzjar soċjali.

Mike Peplow
Mike Peplow


'Nippreferi naħdem u l-għajnuna jeħodha min ma jistax jaħdem' - Sid ta' Salon tax-Xagħar

"Il-Covid 19 ġiet fuqna bla ma stennejna. Għalina l-hairdressers ġiet fl-agħar żmien għax ir-rebbiegħa huwa l-aħjar staġun għalina minħabba li fix-xahar ta' Marzu jibdew it-tiġijiet u okkażjonijiet oħra.  Huwa anke zmien meta l-klijenti jkunu rpiljaw sew mill-ispejjeż tal-Milied. Naturalment kullħadd ikollu l-ispejjeż tiegħu  - min ħafna u min ftit - jien fortunatament naħdem waħdi allura m'għandix spejjeż ta' pagi, pero' spejjeż oħra xorta jridu jitħallsu, bħal per eżempju l-kera tal-ħanut.  Naturalment ħafna drabi l-kera trid titħallas għax bħal ma jien għandi l-ispejjeż tiegħi s-sid ukoll għandu l-commitments tiegħu.

Li huwa żgur hu li din hija is-sitt gimgħa li ilna magħluqin u ma nafx kif wieħed jista jkampa ħafna aktar fit-tul, għax int barra l-ispejjeż tal-ħanut għandek ukoll l-ispejjeż tad-dar.  Trid tgħix u huwa aktar difficli speċjalment jekk ikollok familja. Jekk int tkun ikkomettejt ruħek għal ċertu spejjeż, dawn trid tara kif tagħmel u twaqqafhom u tipposponi kollox għal meta terġa tibda taħdem.  Imma jekk ma jirnexxilekx ikollok tara kif tagħmel u tħallas dawk l-ispejjeż.

Il-Gvern tana għajnuna, imma irridu nifhmu wkoll li l-Gvern għandu ħafna aktar ħaddiema u individwi fil-bżonn lil min jgħin, hu jipprova kemm jista jkun jolqot lil kulħadd fejn hu possibli.

Jien nippreferi naħdem u l-għajnuna jagħtiha lil ħaddiehor. Jekk klijenta tiegħi tkun tilfet l-impjieg u l-Gvern jagħtiha l-għajnuna hemm ċans li din il-klijenta tibqa' tiġi tizboh xagħarha, sakemm issib xogħol."

In-numri jidhru inkorroġġanti ħafna, għalkemm għadu kmieni biex wieħed jista jgħid jekk l-agħar għaddiex jew le. Il-klijenti jċemplu u jistaqsuk x'għandhom jagħmlu u ma ttiehomx tort, għax m'humiex imdorrijin ma jieħdux ħsieb id-dehra tagħhom.
Minn xi klijenti sirt naf li kien hemm hairdressers li abbużaw mis-sitwazzjoni u marru jagħmlu x-xagħar fi djar.  Iddispjaċut ħafna fuq hekk, ma naħsibx li kienu ġusti u professjonali, imma bħal dejjem, dejjem ikun hemm min ikun lest biex japprofitta ruħu minn kull sitwazzjoni, anke f'nofs pandemija fejn ħafna qed jagħmlu sagriffiċċji kbar biex infittxu noħorġu minn din is-sitwazzjoni kemm jista' jkun malajr.
Jekk l-awtoritajiet ikunu ċerti li l-agħar ghadda, ma nsib xejn ħażin li nerġgħu niftħu l-bibien tagħna b'mod ikkontrollat, fejn il-klijenti jiġu waħidhom fis-salon u tagħti servizz lil klijenti b'mod individwali, waħda, waħda.  Dan filwaqt li tieħu ħsieb li tiddiżinfetta u tnaddaf aktar minn qatt qabel. Minn daqshekk aħna m'għandiex problema biex naħslu jdejna, għax idejna l-ħin kollhu ġol-ilma.
Hija ovvja li l-klijenti jixtiequ li nerġgħu nibdew naħdmu kemm jista' jkun malajr, għax naturalment kulħadd dera' fil-fsied, u kullħadd sar jieħu pjaċir jieħu ħsieb id-derha tiegħu.  Almenu f'din is-sitwazzjoni rari u mhux tas-soltu, tħares fil-mera  tkun esperjenza naqra aktar pjacevoli, u ttella' l-moral ta' dak li jkun.

Julian Micallef
Julian Micallef


'In-nuqqas ta' azzjoni fuq il-kirjiet se jkollu konsegwenzi kbar ' - Sid ta' ħanut tal-Ħwejjeġ/Aċċessorji

"Issa l-ħwienet ilhom magħluqin, in-negozju tiegħi kelli bilfors naqilbu online biex tal-inqas mhux jispiċċa totalment. Madankollu, minħabba li settur tagħna huwa dak tal-ħwejjeġ, xorta waħda n-negozju qiegħed kważi fix-xejn. L-iskema li għamel il-gvern dwar il-pagi kienet ta’ għajnuna u għenet sabiex jittaffa dak il-piż. Iżda n-nuqqas ta’ azzjoni dwar il-kirjiet xorta qed iħalli l-effetti tiegħu u fit-tul dan se jkollu konsegwenzi kbar fuq in-negozju tiegħi.

L-aktar parti inkwetanti madankollu hija n-nuqqas ta’ ċertezza li għandna dwar kif se jerġa’ jkun ix-xogħol wara li ċertu restrizzjonijiet jiġu mneħħija. Inħoss li l-effett ta’ dan il-virus se jkun fit-tul u anke wara li niftħu, se jkun hawn ħafna li l-impjieg tagħhom ikun għadu mhux sigur u b’pagi problematiċi, kif ukoll bla turiżmu. Dan kollu se jkollu effett negattiv ferm ikbar u rridu naħsbu għal dak iż-żmien minn qabel.

In-numri ta' każi ġodda li qed ikollna huma sinjal tajjeb ferm. Għalkemm ix-xewqa tiegħi hi li niftħu kemm jista’ jkun malajr, nemmen li xorta għadu ftit kmieni. Iżda jekk tittieħed din id-deċiżjoni, u jerġgħu jinfetħu taħt strict social distancing rules, irridu naraw, kif tkellimt qabel, kemm ikun kbir l-effett li dan il-virus ħalla. Nemmen li ħwienet bħal tagħna ħa jkollhom effett negattiv kbir anke wara l-ftuħ tagħhom minħabba li jekk ma jkunx hemm ċertu avvenimenti, wieħed jista’ jżomm lura minn ċertu xiri li mhuwiex priorità."

Amanda Micallef
Amanda Micallef


'Jekk nieħdu l-miżuri u jkollna gwida ma narax għalfejn m'għandniex niftħu' - Sid ta' ħanut ta' Sbuħija

Iva tbati hux.  Jiena tal-inqas m'għandix kirja u l-ħanut huwa tiegħi, allura mhux qed taħqarni daqshekk is-sitwazzjoni.  Imma ilna sitt ġimgħat magħluqin, iebsa hux! Iebsa ħafna biex nibqgħu nfendu kieku s-sitwazzjoni tibqa' hekk għal tliet xhur.

U dwar it-tieni mistoqsija, naħseb li qegħdin fil-qrib biex nerġgħu niftħu.  Naħseb li jekk nieħdu miżuri tajbin, bħal klijent wieħed biss fil-ħanut m'għandniex għalfejn nibqgħu magħluqin.  Ikun hemm gwida, kemm għalina kif ukoll gwida għall-klijent u jekk jiġri dan ma narax għalfejn ma niftħux, wara kollox huwa fl-interess ta' kulħadd, anke tagħna, li nieħdu ħsieb is-saħħa.  Aħna familji wkoll għandna d-dar."

Marita Falzon
Marita Falzon


'Tara l-ħanut vojt dieqa taqbdek'

"Bħalissa s-sitwazzjoni ma tantx hija faċli - għal kull min jinsab magħluq, speċjalment għal min bħali għadu qed iħallas il-kera.  Iebsa ħafna, tkun taf li trid tħallas il-kera u xejn mhu dieħel.  Dan apparti li kontijet xorta jridu jitħallsu.

Tara l-ħanut vojt jaqbdek dieqa kbira u nimmisja x-xogħol, speċjalment lill-klijenti.  Timmissja dak iċ-ċajt jew xi diskussjoni li kien ikollna.  J'Alla ma ndumux ma nerġgħu nibdew, ħalli nerġgħu nibdew ir-rutina ta' kuljum.

U rigward it-tieni mistoqsija, iva naqbel li jibdew jinfetħu xi ħwienet, pero ovvjament wieħed irid jieħu l-prekawzjonijiet kollha, iżomm id-distanza soċjali u jaħsel idejh b'mod frekwenti.

Fil-qasam tax-xogħol tagħna wieħed jeħtieġ jieħu ħsieb iktar għax aħna n-Nail Technicians kull ma jkun jkun hemm bejna u l-klijent huwa 50 ċm- allura wieħed ikun irid jieħu ħafna aktar prekawzjoni."

More in Politika