(Dawn il-kummenti ingħataw qabel il-PM ilbieraħ beda jħabbar ir-rilassament tal-miżuri Covid-19)
"Il-morsa dejjem qegħda tissikka iktar kemm jgħaddi żmien. Ħafna negozji mhux biss għandhom pagi xi jħallsu - il-payroll - hemm ukoll il-kirjiet. Hemm min iffriża l-kirjiet għalissa imma hemm min għadu qed jitlob il-kirja normali." Hekk sostna mal-gazzetta ILLUM Philip Fenech li jmexxi it-Taqsima tat-Turiżmu u Divertiment fi ħdan il-GRTU, meta ikkuntattjat minn din il-gazzetta u mistoqsi dwar is-sitwazzjoni preżenti u l-pjanijiet għall-futur fl-industrija turistika.
Mistoqsi kemm jifilħu għas-sitwazzjoni preżenti negozji fit-turiżmu u l-prospetti ta' ħaddiema li jitkeċċew mix-xogħol, Fenech fakkar li l-ebda negozju m'għandu riżorsi infiniti. "Ma tistax tispiċċa bla flus għal meta se terġa tiġi biex tibda mill-ġdid, għax biex tibda mill-ġdid u s-settur kollu se jerġa jibda mill-ġdid, trid il-flus. Ħadd ma jkeċċi lin-nies għax kattiv. Imma din hija r-realtà."
Fenech fakkar li ħafna negozji, minkejja li x-xogħol waqaf ħesrem u b'mod komplet, xorta jridu jħallsu l-kontijiet li għandhom pendenti.
Dwar dak li qed jara għall-futur qrib tal-industrija, Fenech fakkar li l-industrija f'Malta tiftaħ ladarba jiftħu pajjiżi oħrajn u fakkar ukoll li l-akbar swieq li fuqhom niddependu bħala turiżmu huma l-Italja, Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit, lkoll pajjiżi li ntlaqtu ħafna - bl-ewwel tnejn ikunu saħansitra fost l-aktar 10 pajjiżi b'każijiet ta' Covid-19.
"L-ewwel li qed nistennew hija illi tiftaħ l-ekonomija domestika - ir-ristorant, każin, bar u negozji tal-irħula - bħal hairdressers," jgħid Fenech li iżda jispjega illi dan ma jfissirx illi l-ekonomija se tiċċalaq fit-totalità tagħha.
Fenech jinsisti li rridu nippreparaw għal normalità ġdida li ma tiddependix minn Malta biss, f'ekonomija li għalissa se topera f'qafas ta' restrizzjojnijiet.
"Huwa importanti li nibdew inlestu għal din ir-realtà l-ġdida. Nagħmlu xogħol infrastrutturali fil-Qawra, Tas-Sliema, San Ġiljan ... issa kif m'hawnx traffiku. U l-istess is-settur privat, fejn jista' issa huwa ż-żmien li jtejjeb."
Iwissi iżda li m'hemmx xi switch li se nixgħeluh u l-industrija tat-Turiżmu se tkompli fejn ħalliet. "It-tkabbir ekonomiku se jkun gradwali, ħafna stennija biex timla' l-lukanda jew ristorant, tkun lest għal żmien fejn tibqa' titlef."
"Irridu nkunu saqajna mal-art," jgħid Fenech li jfakkar illi fir-realtà ta ddistanzjar soċjali, anke ajruplan se jkollu jinbidel u fejn qabel kienu jieħu 120 persuna issa jeħtieġ ħafna inqas. "Dawn ir-restrizzjonijiet se jfissru aktar spejjeż għall-individwu għax ajruplan qed jieħu inqas nies, fi żmien fejn l-industrija tal-avjazzjoni trid tħajjar aktar nies jaqbdu ajruplan."
Dwar is-sajf li ġej u l-prospetti tiegħu Fenech qal illi ma jistax jara li mhux se jkun sajf batut ħafna fir-realtà ekonomika tad-dinja bħalissa.