Korsija ġdida għall-mixi u r-roti bejn Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn
Dan il-proġett ta’ madwar €2 miljun f’żewġ fażijiet se jibda bil-bini mill-ġdid tal-karreġġjati taż-żewġ toroq
minn Albert Gauci Cunningham
Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid Triq Wied il-Għajn u Triq Ħaż-Żabbar biex tintroduċi korsija ġdida għall-mixi u r-roti mifruda mit-triq bejn Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn.
Dan il-proġett ta’ madwar €2 miljun f’żewġ fażijiet se jibda bil-bini mill-ġdid tal-karreġġjati taż-żewġ toroq, li se jibqgħu b’żewġ korsiji imma se jkunu disinjati mill-ġdid f’inqas spazju, u b’allinjament aktar sigur. Dan id-disinn se jiftaħ l-ispazju meħtieġ għat-tieni fażi tal-proġett, u li tinkludi l-passaġġ għall-mixi u r-roti, waqfiet aktar siguri għall-karozzi tal-linja u 2,000 metru kwadru ta’ żoni ġodda msebbħin b’siġar u pjanti.
Iż-żewġ toroq eżistenti, magħrufin bħala l-Bypass l-antika ta’ Wied il-Għajn, bħalissa m’għandhomx faċilitajiet adekwati għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, bit-trasport pubbliku jew bir-rota. Matul it-tieni fażi tal-proġett, Infrastructure Malta se tibni l-korsija ġdida għall-mixi u r-roti, li se tkun mifruda mill-korsiji għall-karozzi permezz ta’ kurduni tal-konkos u żoni bis-siġar u pjanti oħrajn. Is-siġar kbar li hemm fuq ġenb ta’ Triq Wied il-Għajn se jiinżammu u jiġu inkorporati f’din l-istrippa ġdida bil-ħamrija. Ħafna minn din l-infrastruttura se tinbena fl-ispazju tat-toroq eżistenti, ħlief għal partijiet żgħar mill-korsija ġdida għar-roti li se jkollhom jinbnew fuq art agrikola li hemm biswithom.
Il-korsija għall-mixi u r-roti f’żewġ direzzjonijiet miksija bl-asfalt se testendi għal aktar minn kilometru tul iż-żewġ toroq biex toħloq konnessjoni aktar sigura u effiċjenti għall-ivvjaġġar b’mezzi alternattivi bejn iż-żewġ lokalitajiet. Din se tkun ir-raba’ korsija għall-mixi u r-roti tat-tip tagħha f’Malta. L-ewwel waħda nbniet tul Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, fl-2019. Korsija oħra għall-mixi u r-roti maqtugħa għaliha mit-triq infetħet aktar kmieni din is-sena fi Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas, bejn Ħal Luqa u Ħal Qormi. Bħalissa, Infrastructure Malta qed tibni korsija simili ta’ erba’ kilometri li tgħaqqad l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali, bħala parti mis-Central Link Project.
Il-proġett jinkludi wkoll tisħiħ tas-sistemi għad-distribuzzjoni tas-servizzi li hemm għaddejjin taħt iż-żewġ toroq, spralli ġodda għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita u sistemi biex idawlu l-karreġġjati tal-karozzi u l-korsija għall-mixi u r-roti. Fejn meħtieġ, se jinbnew ukoll ħitan ġodda mal-ġnub tat-triq.
L-ewwel fażi tal-proġett hija skedata li tibda fil-ġimgħat li ġejjin. It-tieni fażi tkun lesta f’Jannar 2021.
L-Inġ. Fredrick Azzopardi, Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, spjega li permezz ta’ dan il-proġett, l-ispazju żejjed tal-karreġġjati wisgħin ta’ triq antika ser jiġu użati biex jinħolqu faċilitajiet ġodda għal mezzi tal-ivvjaġġar aktar sostenibbli. “Fejn ikun possibbli, qed naħdmu biex nisfruttaw l-ispazji disponibbli fit-toroq tagħna ħalli nżidu aktar infrastruttura sigura għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, b’tal-linja jew bir-rota. Aktar ma nibnu minn dawn il-konnessjonijiet, aktar inħeġġu lill-komunitajiet tagħna jikkunsidraw il-mixi, ir-roti u t-trasport pubbliku bħala altarnattiva b’inqas danni ambjentali, u b’inqas spejjeż, għall-użu tal-karozzi privati,” spjega l-Inġ. Azzopardi.