Il-ħidma mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga kompliet f’Għawdex. Wara diversi jiem ta’ osservazzjoni u investigazzjoni b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga, il-Pulizija arrestat raġel ta’ 34 sena, residenti l-Għarb.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-Ġimgħa filgħodu, ir-raġel deher ħiereġ mir-residenza tiegħu fl-Għarb fejn saq lejn il-Qala u hemmhekk deher dieħel f’residenza oħra. Wara xi ħin hemmhekk, ir-raġel ħareġ u saq lejn ir-Rabat.
Kien hawn, li l-Pulizija, għall-ħabta tal-11:30 a.m iċċirkondaw i-vettura fi Pjazza tat-Tokk. Fi tfittxija li saret fil-vettura l-Pulizija sabu basket żgħir u fih kien hemm sustanza bajda suspettata droga kokaina.
It-tfittxijiet mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mis-Sezzjoni tal-Klieb, issoktaw fir-residenza tar-raġel fl-Għarb, kif ukoll fil-post fejn ir-raġel daħal fil-Qala. F’dawn it-tfittxijiet instabu sustanzi suspettati kokaina u eroina.
Ir-raġel tressaq il-Qorti u dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Simone Grech.