'Irridu nieħdu ħsieb il-pandemija tas-solitudni wkoll'
Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo illi bħalissa qed imexxi programm biex jgħin lin-nies ikollhom kumpanija u titwassal informazzjoni dwar saħħa mentali
minn Albert Gauci Cunningham
"Iktar milli affarijiet materjali biss, iktar l-problema hija u se tkun psikoloġika. Anke għall-bniedem li se jibqa' ġewwa u qiegħed komdu, irridu naraw kif se jkampa f'din il-pandemija tas-solitudni." Hekk jgħid mal-ILLUM id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo illi bħalissa qed imexxi programm biex jgħin lin-nies ikollhom kumpanija u titwassal informazzjoni dwar saħħa mentali. Dan kollu b'mod speċjali issa li eluf ta' persuni - primarjament anzjani - jinsabu maqfulin f'darhom imċaħħdin minn ħafna mill-attivitajiet li kienu jattendu sa ftit żmien ilu bħal quddies, xi mawra l-każin jew xi diskursata bejn il-ħbieb fil-pjazza.
Bartolo jirrakkonta kif wieħed mill-anzjani li jċemplu kuljum, huwa raġel mill-Kalkara li jħoss illi jista' jgħid kelma ma' xi ħadd ukoll u jwassal ħsibijietu fuq ir-radio milli quddiem il-baħar fix-xatt Kalkariż. "M'ilux kien hemm wieħed ċempilli u qal li jafu lil dan ir-raġel u li xtaq jiltaqa' miegħu wara li ilu ma jarah snin twal. Dak hu s-sodisfazzjon, li qed noħolqu sens ta' komunità fi żmien meta tant nies qed iħossuhom waħedhom u neqsin minn dan is-sens hekk importanti," qal Bartolo.
Jgħid iżda li n-nies bla dar qed jiżdiedu, b'każ ta' raġel li spiċċa ta' fuqu senduqu barra fit-triq u li din il-ġimgħa għamel kuntatt telefoniku. Bartolo jispjega kif il-għajnuna bdiet tingħata u jgħid illi ċempillu Sindku ta' lokalità li xtaq ikun jaf ir-raġel li ċempel kienx l-istess wieħed li jorqod fuq bank fi ġnien fil-lokalità li jmexxi.
"Darba ċempel raġel Għarbi wkoll li xtaq jitkellem dwar il-problema li għaddej minnu pajjiżu, per eżempju."
Hu jgħid li l-għan tat-tim ta' sebgħa minn nies wara l-programm mhuwiex finanzjarju fil-fatt lanqas biss isiru riklami. Jispjega kif mas-semmiegħa jitkellmu dwar kif timmotiva lilek innifsek u life coaching ma' persuni li għandhom l-għarfien dwar is-suġġett.
Huwa jiċċara li l-programm mhuwiex politiku u kulħadd qed jagħti sehem, inkluż uffiċjali tal-Gvern, biex min ikollu bżonn għajnuna ġenwina tingħatalu.
X'qed tipproponi l-Oraganizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa?
Il-pandemija Covid-19 qed titfa' tgħabija qawwija fuq is-saħħa mentali ta' ħafna, f'Malta u madwar id-dinja. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ħarġet b'linji gwida dwar x'għandha tagħmel persuna sabiex tieħu ħsieb is-saħħa mentali tagħha u ta' dawk madwarha.
- Il-Covid-19 hija mifruxa mad-dinja kollha. L-għoti ta' tikketti etniċi ma jgħinx lill-persuna tħossha aħjar
- Uri empatija lejn min għandu l-Covid-19. Mhux it-tort tiegħu/tagħha. Agħti appoġġ u uri qalb tajba
- Imminimizza kemm, tisma' u tara dwar il-virus u kun ċert li dak illi qed tisma' ġej minn sorsi li huma affidabbli
- Agħti l-għajununa u għamel kuntatt ma' familja, ġirien, ħbieb u dawk fil-bżonn. Dan jgħin lilek u anke lill-persuna illi qed tgħin
- Irrakkonta u amplifika stejjer pożittivi u stejjer ukoll ta' nies li taf jew li smajt dwarhom illi għaddew mill-Covid-19 u fiequ
- Agħti appoġġ u urieh lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, dan jgħinhom f'dan iż-żmien pjuttost ta' sfida
- Kul biżżejjed ikel u ikel san. Għamel eżerċizzju u żomm 'il bogħod minn soluzzjonijiet bħal tipjip, xorb u drogi
- Ħaddiema tas-saħħa: Żomm kuntatt virtwali ma' dawk li ma tistax tkellem jew tiltaqa' minħabba x-xogħol tiegħek fl-isptar
- Żomm rutini regolari u l-iskedi tiegħek fejn possibbli. Għamel eżerċizzju regolari, naddaf, iżbogħ, isma' l-mużika u dejjem importanti żżomm kuntatt ma' dawk qirb tiegħek
- Jekk m'għandekx ma' min titkellem u minkejja kollox xorta qed tħossok waħdek, ċempel fuq in-numru 1772. Il-helpline hu operat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), 24 siegħa kuljum. Numru ta’ professjonisti se jkunu qed jisimgħu u jagħtu pariri