‘Tal-biża’’ – Sid jitkellem dwar is-sitwazzjoni tan-negozju fil-Belt Valletta
Anke jekk il-ħwienet issa ilhom diversi jiem miftuħa u l-ftuħ tar-ristoranti u l-kafetteriji kellu jtihom spinta, is-sitwazzjoni fil-Belt Valletta baqgħet kwieta ħafna. Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ sid ta’ negozju fi Triq ir-Repubblika
minn Yendrick Cioffi
“Tal-biża’.” Hekk iddeskriva s-sitwazzjoni tan-negozju fil-Belt Valletta wieħed mill-membri tal-Assoċjazzjoni tal-Komunità Kummerċjali ta' Triq ir-Repubblika li wkoll huwa sid ta’ ħanut u dan hekk kif issa għaddew diversi jiem minn meta l-ħwienet, fosthom dawk tal-ħwejjeġ, reġgħu fetħu l-bibien tagħhom.
Ma tridx tkun xi analista biex tinduna li s-sitwazzjoni fil-Belt Valletta, anke jekk issa l-ħwienet u r-ristoranti fetħu, baqgħet kwieta ħafna, b’mod partikolari waranofsinhar u filgħaxija. Fil-fatt, wara l-ftuħ tar-ristoranti anke l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għar-Ristoranti u l-Lukandi (MHRA), Tony Zahra, saħaq li l-andament kien aħjar milli previst f’Tas-Sliema u f’San Ġiljan iżda baqa’ batut ħafna fil-Belt u dan meta sa ftit tal-ġimgħat ilu l-Belt kienet saret destinazzjoni popolari ma’ ħafna.
“Is-sitwazzjoni ħafna batuta. Ilbieraħ malli daqqew it-3:30pm ma flaħtx aktar. Għalaqt il-ħanut u tlaqt id-dar,” insista mal-ILLUM dan is-sid.
Fakkar li skont stħarriġ li kien sar, 70% tal-bejgħ mill-ħwienet fil-Belt Valletta, b’mod partikolari fi Triq ir-Repubblika, jiddependi mit-turist, kemm dak li jasal bil-cruiseliner u anke dak li jżur Malta u jidħollok darbtejn sal-Belt.
Għalhekk, fi kliem dan l-istess sid, ġaladarba bħalissa t-turiżmu wieqaf u mhux mistenni jirranka fi żmien qasir, malajr kemm jista’ jkun il-Belt trid tkun irreklamata bħala destinazzjoni ideali għall-konsumatur Malti.
Kien hawn li fakkar li s-sitwazzjoni ma bdietx sejra lura biss fl-aħħar xhur. Fakkar li l-Belt Valletta ma għadhiex l-uniku destinazzjoni għal min irid joħroġ jixtri l-ħwejjeġ. Illum, barra l-Belt fetħu ċentri kummerċjali u ħwienet kbar f’Tas-Sliema, il-Fgura, Raħal Ġdid u oħrajn.
‘Għaliex se nibqgħu nbeżżgħu bl-impjiegi?’
“In-nies jibdew jonfqu l-flus meta jħossuhom komdi. Il-konsumatur iħossu komdu meta xogħlu jkun sigur, meta jaf li jekk telaq jew tilef l-impjieg se jsib ieħor. Fil-preżent, il-konsumatur ma għandux dik il-kunfidenza. Din irridu nżommuha f’moħħna wkoll,” beda jispjega n-negozjant.
Kien hawn li kkritika l-kummenti tal-President tal-MHRA, li kontinwament qed jisħaq li mingħajr turiżmu ħafna se jbatu u se jintilfu l-impjiegi.
“Nafu li bla turisti se nbatu u jista’ jkun li jintilfu l-impjiegi. Iżda għaliex se nibqgħu nsemmuha u nbeżżgħu biha? Għaliex se nibqgħu nbeżżgħu lill-konsumatur,” saħaq, kważi kważi b’rabja.
‘X’jiftaħ jagħmel ristorant għal żewġt imwejjed?’
Il-membru tal-Assoċjazzjoni tkellem ukoll ma’ sidien ta’ ristoranti fil-Belt li wħud minnhom ppreferew jibqgħu magħluqa għax b’żewġt imwejjed, jew forsi ftit aktar ma huma se jagħmlu xejn u se jkollhom aktar spejjeż milli dħul.
“Jiena naf li jekk inbigħ ħames biċċiet inkun ġibt l-ispejjeż tal-ġurnata u se jkolli profitt. Ristorant jagħmel qligħ jekk iservi mqar 20 mejda. X’se jiftaħ jagħmel? Biex iservi żewġt imwejjed?”, staqsa l waqt li tenna li l-ħwienet u r-ristoranti fil-Belt huma limitati fid-daqs u l-ispazju.
‘Kirjiet ta’ €200, €300, €400 kuljum mhumiex sostenibbli’
Issa, bis-sitwazzjoni preżenti, il-kriżi kibret u mhux naqset, kompla jisħaq, waqt li spjega kif malli jdoqqu s-siegħa ta’ waranofsinhar, Strada Rjali qed tkun vojta. “Strada Rjali baħħ qed tkun waranofsinhar. Għafsa ta’ qalb qed taqbadni...Batuta mmens il-Belt.”
Bħala membru tal-Assoċjazzjoni tal-Komunità Kummerċjali ta' Triq ir-Repubblika, l-ILLUM staqsiet lil dan is-sid jekk kienx hemm ħwienet li spiċċaw għalqu għax ma setgħux ikampaw mal-kirja.
‘Naf sidien li kellhom jagħlqu. Fin-negozju, dak li tlift illum mhux se ġġibu għada,” insista. “Il-prezz tal-kiri mhuwiex sostenibbli. Kirjiet ta’ €200, €300, €400 kuljum mhumiex sostenibbli.”
‘Għandna nibdew nagħlqu waranofsinhar u niftħu sat-tard filgħaxija’
Iżda hawn ikkritika wkoll ċertu sidien li “tefgħu l-ġebla fuq saqajhom,” għax għażlu li jiftħu ħwienet li għandhom f’ċentri kummerċjali oħra u jħallu magħluqa l-ħwienet fil-Belt. “Ħallih miftuħ ħalli jidħlu n-nies,” kompla jisħaq.
Jista’ jkun li fix-xhur li ġejjin ikollna xi ftit tat-turisti. Dan biżżejjed staqsiet l-ILLUM? Wieġeb li għax-xhur li ġejjin żgur ma jistgħux jistrieħu fuq it-turisti u għalhekk tenna li jridu jaraw kif se jattiraw lill-konsumaturi lejn il-Belt.
“Li tinvesti fir-reklamar bħalissa tkun qed taħli l-flus,” beda jispjega.
Fi kliemu soluzzjoni li tista’ tgħin biex ftit ftit l-affarijiet jibdew jiċċaqilqu, hija li jsir bħal bliet u lokalitajiet oħra Ewropej fejn in-negozji jagħlqu sagħtejn jew tlieta waranofsinhar u jerġħu jiftħu għall-ħabta tal-5:00pm sad-9:00pm. “Inutli tibqa’ miftuħ waranofsinhar. Filgħaxija dħalt il-Belt. Xtrajt. Mort tieħu pizza jew tixrob xi ħaġa. Anke jekk hemm bżonn jiftħu sat-tard il-mużewijiet ukoll.”
Hawn staqsejtu dwar il-proposta tas-Sindku Alfred Zammit, biex darba f’ġimgħa l-ħwienet tal-Belt jibqgħu miftuħa sat-tard. Ma jaħsibx li din tista’ tkun proposta ideali bħalissa biex in-negozju fil-Kapitali jqum fuq saqajh u minn dan igawdu wkoll ir-ristoranti u l-kafetteriji?
“Għalija dik ma għandha saħħa ta’ xejn. Triq tkun xi ħaġa kontinwa. Ta’ kuljum,” insista s-Sid.
Jappella biex il-vantaġġi li toffri l-Belt ikunu sfruttati
Fakkar li l-Belt għandha ħafna vantaġġi għan-negozju iżda insista wkoll li mhux qed ikunu biżżejjed sfruttati. Beda jfakkar li għandek kemm Triq ir-Repubblika u anke Triq il-Merkanti, minn fuq nett sa Triq l-Arċisqof li huma pedonali. Fi kliemu dan biss ukoll jagħmilha destinazzjoni ideali għall-familji.
“Mhux minnu li fil-Belt hemm problema ta’ parkeġġ. Għandek aktar minn parkeġġ wieħed enormi fil-Furjana, fil-Belt ma tħallasx biex tipparkja wara s-sagħtejn fost il-ġimgħa u ma tħallasx fi tmiem il-ġimgħa, għandek id-dawra kollha tal-Belt, id-ditch tal-Belt u Marsamxett. Hawn mal-5,000 parkeġġ. Imbilli timxi 100 metru mhux se taqa’ d-dinja,” kompla jisħaq il-membru tal-Assoċjazzjoni.
Appella biex in-negozji fil-Belt Valletta jingħaqdu u jisfruttaw ir-riżorsi kollha li toffri l-Belt biex fi kliemu, malajr kemm jista’ jkun, in-negozju fil-Kapitali jerġa’ jieħu r-ruħ.