Il-Ministeru għas-Sigurtà Nazzjonali jissospendi lill-eks Kummissarju minn konsulent

Dan fid-dawl tal-aħħar allegazzjonijiet li ħarġu fil-konfront tiegħu b'rabta mal-każ ta' qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ssospenda b’effett immedjat il-konsulenza ta' Lawrence Cutajar, l-eks Kummissarju tal-Pulizija.

Din id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl ta’ allegazzjonijiet li ħarġu fl-aħħar sigħat fil-konfront ta’ kif aġixxa meta kien Kummissarju tal-Pulizija. Cutajar kien qed iservi bħala konsulent dwar is-sigurtà pubblika u l-loġistika.

Ilbieraħ The Sunday Times of Malta żvelat kif qed ikun allegat li Cutajar seta' b'xi mod informa lil Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, dwar l-arrest tiegħu.

Din l-allegazzjoni tinsab f'wieħed mir-recordings ġodda misjuba ta' Melvin Theuma. Theuma kien qed iżomm recordings tal-konverżazzjonijiet li kien ikollu ma' Yorgen Fenech, l-allegat mandant.

F'wieħed minn dawn ir-recordings, li llum ħarġet aktar informazzjoni dwaru fil-Qorti, Melvin Theuma jinstema' jgħid li ċertu Edwin Gatt, magħruf bħala 'Il-Ġojja," ħabib tiegħu, kien iltaqa' mal-Kummissarju Cutajar.

Mistoqsi llum jekk Brincat qattx tah xi informazzjoni dwar l-arrest tiegħu u li kiseb mingħand Cutajar, Theuma wieġeb fin-negattiv.

Skont ix-xhieda ta' Theuma, il-Kummissarju Cutajar darba staqsa lil Brincat dwar jekk kienx jaf b'xi recordings dwar il-qtil ta' Daphne u li Melvin Theuma kien qed iżomm. 

Brincat kien informa lil Theuma dwar dan u kien talbu biex joqgħod attent. "Jekk jaf il-Kummissarju, jafu l-Pulizija," qallu Brincat, dejjem skont ix-xhieda ta' Theuma.

Madanakollu, fil-Qorti, Melvin Theuma għamilha ċara li hu qatt ma tkellem mal-eks Kummissarju.

Fil-fatt, Theuma saħaq li kienu Keith Schembri u l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta li informaw lil Yorgen Fenech dwar ir-rejd li l-Pulizija kellha twettaq fuq ir-residenza ta' Melvin Theuma.

"Is-Sur Cutajar iddefenda l-pożizzjoni tiegħu. Minkejja dan, il-Ministeru ħass li għandu jieħu din id-deċiżjoni sakemm ikun ċar x’kienu l-fatti," saħqet l-istqarrija. 

More in Politika