Investiment ta' €115,000 f'Wied Garnaw f'Santa Luċija
Wied Garnaw huwa wieħed minn sensiela ta' widien li se jingħataw dehra ġdida.

Waqt il-konferenza f'Wied Garnaw
More in Politika
Wied Garnaw huwa wieħed minn sensiela ta' widien li se jingħataw dehra ġdida.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żaru Wied Garnaw fil-limiti ta' Santa Luċija, fejn fl-aħħar ġimgħat saru bosta xogħlijiet ta’ titjib minn Parks Malta b’investiment ta’ €115,000.
Wied Garnaw huwa wieħed minn sensiela ta' widien li se jingħataw dehra ġdida. Dawn huma Wied Għomor (Swieqi/San Ġwann), Wied tal-Fiddien (Rabat), Wied ir-Rum (Dingli) u Wied tal-Ġnejna (Mġarr), b'investiment totali ta' €330,000.
Ix-xogħlijiet iffukaw fuq it-tneħħija ta’ 1,000 metru kubu ta’ materjal li nġema’ fil-kanali. Dan kien qiegħed jikkawża għargħar u telf ta’ ħamrija mill-għelieqi fil-viċinanzi.
Parks Malta raw ukoll li jirrestawraw mat-300 metru ta’ ħitan għal kif kienu oriġinarjament billi neħħew xi blokki tal-konkos. Irrestawraw ukoll selħiet ta’ ġebel tas-sejjieħ li nstabu fuq il-post filwaqt li kkonsolidaw il-ħitan bil-ġebla tal-franka. Tnaddfu wkoll il-kanali u culverts li hemm taħt it-Trejqa ta’ Garnaw.
Tneħħew ukoll diversi speċi invażivi bħas-siġar tar-rignu filwaqt li siġar indiġeni bħas-siġra taż-Żebbuġ eżistenti fil-kanal tħallew fil-wied.
Matul iż-żjara tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli saħqet fuq l-importanza li jitħarsu l-widien u ż-żoni rurali ta’ pajjiżna. Semmiet li bir-restawr ta’ ħitan b’arkitettura sinonima mal-gżejjer Maltin u s-siġar indiġeni, in-nies ta’ Santa Luċija u l-madwar jistgħu jgawdu wied mill-isbaħ sinonimu mal-identità Maltija.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq dwar l-importanza tal-iżvilupp ambjentali f’pajjiżna. Hu qal li dan hu eżempju dwar użu ta' fondi tal-Unjoni Ewropea li jintużaw bħala investiment fl-irħula hekk kif biex insebbħu l-lokalitajiet tagħna filwaqt li noffru kwalità ta' ħajja aħjar. Flimkien ma’ fondi oħra li jinvestu fil-biedja, se nkunu qegħdin nimxu ’l quddiem biex insebbħu l-pajsaġġ ambjentali Maltija, filwaqt li nipprovdu aktar spazji miftuħa.
Preżenti kien hemm ukoll l-uffiċjal inkarigat mit-tmexxija tal-widien Alexander Borg Galea u Charmaine St John - is-Sindku ta' Santa Luċija,