Ir-riforma Kostituzzjonali fi tmien punti: Mill-President sal-Ġudikatura
Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn din ir-riforma - li għad trid tmur għall-approvazzjoni tal-Parlament - fi tmien punti

minn Albert Gauci Cunningham

Ir-riforma Kostituzzjonali, li ngħatat fil-biċċa l-kbira tagħha karta ħadra ta' approvazzjoni ġiet mgħattna mill-gelgul ta' informazzjoni li ħarġet nhar il-Ġimgħa dwar il-proġett tal-Wind Farms fil-Montenegro. Minkejja dan il-bidliet kienu ilhom mistennija u diskussi, u fil-verità jimmarkaw mument storiku u importanti fil-format ta' Kostituzzjoni tagħna li tagħti l-ħajja lir-Repubblika demokratika ta' Malta.
Id-diskussjoni dwar il-bżonn ta' dawn ir-riformi, kien qajjimhom lura għall-2013, Franco Debono - li fil-fatt kien ippropona riforma sħiħa - ftit minnha li bdiet taħt Gvern Nazzjonalista u ħafna aktar preżenti fir-riforma li tressqet mill-Gvern issa u f'bidliet iżgħar li saru fl-aħħar seba' snin.
Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn din ir-riforma - li għad trid tmur għall-approvazzjoni tal-Parlament - fi tmien punti.
Ħatriet Ġudizzjarji: Il-President b'poteri ġodda wkoll
- Il-Gvern se jkun qed jirristruttura l-Kumitat għall-Ħatriet Ġudizzjarji, li l-Prim Imħallef se jkun iċ-Chairperson tiegħu flimkien ma’ sitt membri oħra
- Dawn se jkunu l-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman, il-President tal-Kamra tal-Avukati, żewġ Imħallfin u Maġistrat, lkoll magħżula minn sħabhom stess
- B’hekk il-Ġudikatura se jkollha erba’ mis-seba’ siġġijiet.
- Dwar il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, la l-Avukat Ġenerali u lanqas l-Avukat tal-Istat mhuma se jkunu parti minnha
- Dan se jfisser li iktar minn nofs tal-membri se jkunu ġudikanti u għalhekk ser jiġi rispettat il-prinċipju li membri tal-ġudikatura kemm jista’ jkun jintagħżlu mill-kollegi tagħhom stess
- Il-Gvern ser ikun qed jagħmel sejħa pubblika sabiex jimtlew vakanzi jew postijiet fil-ġudikatura. Ser tibqa fis-seħħ is-sistema eżistenti mis-sena 2016, hekk imsejħa ‘public rolling call’. Dan ifisser li kull min għandu l-ħajra li jsir membru fil-ġudikatura, jista’ japplika mal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (JAC) meta jrid. Madanakollu, meta jkun hemm vakanza għall-post fil-ġudikatura, xorta waħda jkun hemm sejħa pubblika oħra li tagħti l-opportunità lill-avukati interessati biex japplikaw
- Il-Gvern ser jagħti poteri lill-President tar-Repubblika biex dan jaġixxi waħdu meta jkun mitlub jaħtar Imħallef jew Maġistrat, mil-lista ta’ tliet ismijiet provduta lilu mill-JAC
- Il-lista tat-tliet kandidati mgħoddija lill-President ta’ Malta se tkun qed issir pubblika

Il-Ħatra tal-Prim Imħallef biż-żewġ terzi
- Il-Gvern jaqbel li l-persuna li se tokkupa dan l-irwol tkun appuntata mill-President ta’ Malta, li jaġixxi skont riżoluzzjoni appoġġjata minn żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti
- Jekk ir-riżoluzzjoni ma tiksibx żewġ terzi tal-voti, il-Prim Imħallef ikun maħtur b’riżoluzzjoni li tkun kisbet maġġoranza ta’ voti
- Dan se jassigura indipendenza assoluta u fiduċja fl-irwol ta’ Prim Imħallef
Dixxiplina Ġudizzjarja ... jitneħħa l-irwol tal-politiku
- Il-Gvern se jara li ma jkunx il-Parlament, iżda l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li tneħħi xi membru tal-Ġudikatura
- Dan se jkollu d-dritt li jappella mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Kostituzzjonali
- B’hekk f’dan ir-rigward tneħħa l-irwol tal-politiku mill-proċess kollu
Il-Ħatra u t-Tneħħija ta’ President tar-Repubblika
- Il-President tar-Repubblika ikun maħtur b’reżoluzzjoni approvata minn żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati
- Jekk ir-riżoluzzjoni ma tiksibx żewġ terzi tal-Kamra, huwa biżżejed li tinkiseb maġġoranza biex il-persuna nominata tinħatar bħala President
- President jitneħħa bil-vot taż-żewġ terzi tal-Parlament għal raġunijiet li nsibu fil-Kostituzzjoni applikabbli għall-Imħallfin
Ombudsman
Il-Gvern se jkun qed jaċċerta poteri lill-Ombudsman, u li dan jingħata saħħa kostituzzjonali, b’riferenza għall-aċċess għal informazzjoni meta jkun qed iwettaq ir-riċerka tiegħu
L-Ombudsman se jħejji rapport annwali, li se jkun magħmul minn kumpilazzjoni ta’ rapporti li ġew ippubblikati matul din is-sena, liema rapport se jiġi diskuss estensivament fil-Parlament

Kummissjonijiet Indipendenti: Il-Gvern iċedi mill-poteri tiegħu
- Il-Gvern qiegħed iċedi mill-poteri eżekuttivi tal-Prim Ministru, u jgħaddihom lill-Kabinett tal-Ministri u dan fejn jidħlu poteri tal-ħatra fuq ċertu istituzzjonijiet importanti ġewwa pajjiżna
- Fil-Konvenzjoni Kostituzzjonali li se titmexxa mill-President ta’ Malta se titkompla d-diskussjoni fir-rigward tal-metodu ta’ ħatra ta’ kummissjonijiet oħra indipendenti
L-Avukat Ġenerali: Aktar poteri lill-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni
- Il-Gvern ser ikompli l-proċess sabiex isaħħaħ l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u dan sabiex jieħu fuqu l-prosekuzzjoni. B’hekk tiġi ċċarata distinzjoni netta fl-irwoli li l-Pulizija tinvestiga u l-Avukat Ġenerali jwettaq il-prosekuzzjoni
- Il-Gvern se jkun qed jintroduċi leġiżlazzjoni biex tippermetti appell kontra nuqqas ta’ prosekuzzjoni mill-Avukat Ġenerali lil istituzzjonijiet bħall-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, l-Ombudsman, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, u l-Awditur Ġenerali
- Il-Gvern se jkun qed jintroduċi leġiżlazzjoni biex dawn l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jirrapurtaw każijiet ta’ korruzzjoni direttament lill-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni (PCAC), li jekk issib ħjiel ta’ prattiċi korrotti tirrapporta direttament lill-Avukat Ġenerali. Meta tkun il-PCAC li tirraporta l-każ lill-Avukat Ġenerali hija qed tingħata jedd awtomatiku li tkun tista’ tappella mid-deċiżjoni tal-AĠ f’każ li dan jiddeċiedi li ma jkunx hemm prosekuzzjoni
Kummissarju tal-Pulizija: Ħatra b'aktar skrutinju
- Il-Kummissjoni Venezja qed tirrakkomanda sistema ta’ ħatra ta’ Kummissarju ta’ Pulizija, eżattament kif qed tagħmel Malta
- Inbidlet is-sistema passata għal waħda li fiha ferm iktar skrutinju fuq il-kandidati interessati
- Bis-sistema l-ġdida kulħadd jista’ japplika għall-irwol ta’ Kummissarju hekk kif qed tinħareġ sejħa pubblika mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Din hija Kummissjoni imparzjali u indipendenti fejn il-membri tagħha saru bi qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni u tgawdi r-rispett t’għexieren ta’ snin fejn tidħol ħatra u regolamentazzjoni ta' uffiċjali pubbliċi
- Il-Kummissjoni sussegwentement tagħmel skrutinju ta’ kull kandidat, tagħmel ir-riċerki neċessarji, u tagħti lista mqassra ta’ żewġ kandidati lill-Kabinett tal-Ministri, li mbagħad jagħżel l-iktar kandidat addattat għal din il-kariga, liema kandidat jgħaddi minn proċess ta’ skrutinju quddiem il-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi fil-Parlament
- Din il-ġimgħa nħatar f'din il-kariga Angelo Gafà. L-Oppożizzjoni ma kinitx preżenti għall-iskrutinju quddiem il-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

'Qed inbiddlu l-Kostituzzjoni għall-ewwel darba mill-Indipendenza'
F'kumment mal-ILLUM il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-Prim Ministru Abela ried li mill-ewwel jitlaq fuq proċess ta’ riformi istituzzjonali f’pajjiżna.
"Għall-ewwel darba mill-Indipendenza ta’ pajjiżna ‘l hawn se nkunu qed inbiddlu l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna b’mod estensiv b’riformi li huma intiżi li jsaħħu d-demokrazija ta’ pajjiżna, is-saltna tad-dritt, u l-governanza tajba."
Hu jgħid illi biex wasal għal dawn il-proposti il-Gvern kellu laqgħat kontinwi mal-Kummissjoni Venezja dwar rakkomandazzjonijiet, anke wħud li ma kienu jagħmlu ebda sens għat-tradizzjonijiet legali Maltin.
"Il-Kummissjoni Venezja iddikjarat magħna iktar minn darba li tinsab kuntenta bl-andament tad-diskussjoni ta’ bejnietna, u bil-ġenwinità li wrejna bħala amministrazzjoni u l-konvinzjoni li qed juri l-Gvern Malti biex jissaħħu l-istituzzjonijiet fil-pajjiż," temm jgħid Zammit Lewis.

