Tliet xhur li fihom il-Belt se tkun mixgħula bil-kuluri u l-attivitajiet
Biex il-Belt Valletta tirkupra malajr kemm jista’ jkun mid-daqqa li qalgħet bil-COVID-19, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ħabbret pjan li se jagħti spinta immedjata lill-ħajja fil-kapitali. L-ILLUM titkellem ma’ Jason Micallef...
minn Yendrick Cioffi
Il-ħajja tista’ tgħid li ġiet lura għan-normal iżda huwa fatt magħruf li l-Belt Valletta għadha ma ħaditx ruħ minn wara l-pandemija. Biex malajr kemm jista’ jkun il-Belt terġa’ timtela’ bil-ħajja, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) ħabbret programm ta’ attivitajiet li l-għan tiegħu huwa li jattira kemm jista’ jkun nies lejn il-Kapitali.
“Għalija kienet ovvja li l-Belt kienet se tkun l-aktar milquta mill-aspetti kollha għax il-miżuri kienu jfissru li l-qalb kulturali tal-Belt kienet se tieqaf ħesrem. Anke wara li l-Gvern irilaxxa l-miżuri, kien hemm sinjal li jekk mhux se nagħtu attenzjoni partikolari lill-Belt, il-Kapitali kienet se taqa’ lura u ddum aktar ma tirpilja minn postijiet oħra,” insista iċ-Chairperson tal-VCA, Jason Micallef, f’kummenti mal-gazzetta ILLUM.
Kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li jkun hemm pjan li jagħti spinta lill-aspett ekonomiku, kulturali u soċjali lill-Belt. “Ridna ngħinu lis-settur privat li investa fil-Belt Valletta, lill-Gvern li investa bi kbir fi spazji pubbliċi u mużewijiet u anke nattiraw lin-nies lejn il-Belt u jdawru r-rota taċ-ċentru kummerċjali tagħha,” saħaq Micallef.
Fakkar kif sa ftit tax-xhur ilu, il-Belt Valletta kienet saret l-għażla naturali tal-Maltin biex jiddevertu, jieklu u jixtru.
“Il-COVID ta daqqa lill-Belt. Imma konnha proattivi waqt li kien hawn il-miżuri. Tkellimt mal-Prim Ministru u kien kuntent ħafna u għeni bi kbir. Ħejjejna pjan ta’ €750,000 għall-Belt Valletta” spjega Micallef waqt li insista li dan qed isir ma’ diversi awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern u anke għaqdiet kulturali u soċjali tal-Belt. Hekk għat-tliet xhur li ġejjin, mill-1 ta’ Lulju, se jidħol fis-seħħ pjan ta’ stimolu għall-Belt Valletta.
X’jinkludi l-pjan?
Fost dawn, it-trasport bil-baħar lejn il-Belt Valletta se jkun b’xejn mis-6pm sa nofsilejl għax-xahrejn li ġejjin, il-mużewijiet kollha tal-Gvern se jkunu miftuħa bla ħlas matul Lulju, l-istess se jiġri fil-mużewijiet li jaqgħu taħt il-Fondazzjoni Wirt Artna u matul il-ġimgħa se jkun hemm medja ta’ tliet attivitajiet organizzati mill-VCA.
Dan apparti li għat-tliet xhur tas-sajf, il-ħlas biex wieħed jidħol u jipparkja l-Belt (CVA) se jkun maħfur u għall-istess perjodu r-ristoranti u l-barijiet mhux se jħallsu għall-permessi tal-imwejjed u s-siġġijiet.
Fi kliemu, il-komunità kummerċjali kollha tal-Belt Valletta u anke dawk fis-settur turistiku laqgħu tajjeb immens dan il-pjan.
Il-Belt Valletta hija sabiħa minnha nnifisha iżda mlibbsa hija ħafna aktar. X’hemm isbaħ mil-libsa tal-festa? Apparti l-attivitajiet, għat-tliet xhur li ġejjin, l-erba’ festi tal-Belt Valletta ngħaqdu u se jkunu qed jalternaw biex il-Belt Valletta tilbes il-libsa tal-festa.
“Mhux qed ngħidu se nagħmlu l-festa tradizzjonali. Iżda l-Belt se tkun imżejna bil-fustumi, il-liedna, il-bandalori u l-pavaljuni. Dak il-kulur, din il-libsa, se tkun iżżejjen il-Belt għal tliet xhur sħaħ,” spjega Micallef.
‘Ċert li dan pjan li se jirnexxi’
Fi kliem Micallef, l-Aġenzija temmen li dan il-pakkett kollu se jkun qed jagħti “spinta immedjata” lill-Belt Valletta. “Pożittivi ħafna ... nemmnu li dan il-pjan se jirnexxi.”
Ta’ min isemmi li apparti l-istimolu lin-negozji fil-Belt, dan il-pakkett se jkun qed jgħin ukoll diversi għaqdiet Beltin li anke huma kienu affettwati ħażin minħabba l-pandemija, fosthom dawk li jorganizzaw il-festi.
“Nemmnu fil-komunità tal-Belt u nemmnu li għandna nagħtu inċentivi u ngħinu finanzjarjament lill-għaqdiet tal-Belt b’mod partikolari dawk li jorganizzaw il-festi. Għalhekk dan huwa pjan li jgħin ukoll lill-Beltin u lill-għaqdiet tagħhom li wkoll qalgħu d-daqqa tagħhom. Nemmnu fl-involviment tan-nies tal-Belt għal dan il-pjan għall-Belt Valletta,” insista Micallef.
‘20,000 turist sal-20 ta’ Lulju ... il-maġġoranza se jidħlu l-Belt’
Imma għax iddendel erba’ pavaljuni se jiġu n-nies? Jemmnu li dan il-pjan se jaħdem anke meta wieħed mhux jistenna influss qawwi ta’ turisti? Micallef insista li n-nies se jirritornaw il-Belt għax hemm pakkett ħolistiku mit-Tnejn sal-Ħadd.
“Nemmnu li rridu nagħmlu dan l-isforz biex inqarrbu l-kultura lejn in-nies anke permezz ta’ mużewijiet li ma tantx ilhom miftuħa, fosthom Muża. Nemmnu li permezz ta’ dan il-pjan se ngħinu biex dan il-mużew ikun aktar popolari. Dan il-pjan jolqot xi ħaġa għall-gost ta’ kulħadd. Din il-ġimgħa kellna c-Cinema City. Huwa suċċess kbir. Kellna mal-500 ruħ kull ġurnata,” insista Micallef.
Kien hawn liċ-Chairperson tal-VCA saħaq li mill-indikazzjonijiet li waslu għandu waqt laqgħat mal-MTA, qed ikun imbassar li fl-ewwel 20 ġurnata ta’ Lulju sa jaslu Malta mal-20,000 turist bl-ajru. “L-istatistika turi li 82% tat-turisti li jiġu Malta jidħlu l-Belt. Aħna rridu nkunu lesti li meta jiftaħ l-Ajruport u jaslu l-ewwel cruiseliners f’Awwissu anke t-turisti jgawdu mill-attivitajiet li se jkollna fil-Belt.”
B’rabta ma’ dan, Micallef saħaq li ftit ftit qed jiżdiedu wkoll il-bookings fl-akkomodazzjonijiet turistiċi fil-Belt. “Xejn ma jsir b’kumbinazzjoni. L-aħbar tagħna nltaqgħet tajjeb ħafna mill-pubbliku. Mill-esperjenza naf li kull meta organizzajna attività, in-nies ġew. Il-Belt hija ġojjell u kumplimentari magħha hija l-organizzazzjoni tajba tal-attivitajiet. Ċert li dan pjan li se jirnexxi,” insista.
Apparti l-attivitajiet tal-VCA, Micallef fakkar li hemm attivitajiet oħra li se jkunu organizzati minn Pjazza Teatru Rjal, Festivals Malta, Teatru Manoel u oħrajn. Bla dubju, l-akbar attività li se tkun qed tittella’ f’dawn ix-xhur, hija l-Valletta Pageant of The Seas, spettakklu fil-Port il-Kbir nhar is-16 ta’ Awwissu.
Staqsejna lil Micallef jekk jaqbilx dwar il-proposta tas-Sindku Alfred Zammit li jkun hemm ġurnata late-night shopping fil-Belt. “Jiena nappella lil tal-ħwienet biex jagħmlu hekk. Anke l-attivitajiet tagħna jibdew u jispiċċaw tard. Filwaqt li nifhem l-ispejjeż tagħhom, naħseb li huwa fl-interess tal-ħwienet li jiftħu,” temm Micallef.