Covid-19 | 'Sitwazzjoni taħt kontroll ... imma l-pandemija għadha ma ntemmitx'

Is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika twissi illi l-pandemija għadha magħna u jeħtieġ jittieħdu l-prekawzjonijiet

Charmaine Gauci (lemin) u Chris Barbara (xellug)
Charmaine Gauci (lemin) u Chris Barbara (xellug)

Fi stqarrija s-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika wissiet illi minkejja li s-sitwazzjoni tal-COVID-19 f’Malta issa tidher li hija taħt kontroll fejn għal diversi ġranet ġew irrapurtati ftit jew ebda każijiet ġodda, "huwa importanti li nżommu f’moħħna li l-pandemija ma ntemmitx u mhux se tintemm sakemm ikun hemm vaċċin disponibbli."

Illum spiċċat l-aħħar miżura kontra l-Covid-19 bil-ftuħ mill-ġdid tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, ukoll taħt ir-regoli u tibdiliet għall-prevenzjoni.

Is-Sovrintendenza fakkret illi l-COVID-19 għadu qed jiċċirkola fil-komunità, kemm lokalment kif ukoll barra mill-pajjiż.

"L-aħjar miżuri li ġew ipprovati li huma effettivi fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjoni tal-COVID-19 huma msejsa fuq il-prinċipji tas-saħħa pubblika tad-distanza soċjali, l-iġjene u l-ilbies tal-maskri/visors. Għalkemm tneħħew il-biċċa l-kbira tal-miżuri, huwa ta’ importanza kbira li dawn it-tliet prinċipji sempliċi jiġu segwiti minn kulħadd biex jiġi żgurat li tinżamm l-istabbiltà tas-sitwazzjoni tal-COVID-19 f’Malta."

Għalhekk is-Sovrintendenza fakkret li n-nies għandhom jipprevjenu billi: 

1 - Id-distanza fiżika / soċjali bejn persuna u oħra, jew gruppi ta’ persuni mhux mill-istess dar teħtieġ li tiġi rrispettata f’postijiet pubbliċi.

2 - L-ilbies tal-maskri/visors. L-evidenza turi li l-ilbies tal-maskra jew tal-visors jipproteġi lin-nies mill-infezzjoni tal-COVID-19.

3 - Il-miżuri ta’ iġjene u l-etikett respiratorja għandhom dejjem jiġu segwiti biex jiġi evitat li persuna tintlaqat jew ixxerred dan il-virus. Jibqa’ importanti l-ħasil spiss tal-idejn għal mill-inqas 20 sekonda bis-sapun u bl-ilma jew bl-alkoħol li jnaddaf (alkoħol minimu ta’ 70%).

Is-Sovvratendenza fakkret li bit-tneħħija ulterjuri tal-miżuri inkluż il-ftuħ għall-ivvjaġġar internazzjonali, l-osservanza ta’ dawn il-miżuri ta’ mitigazzjoni minn dawk kollha kkonċernati huma essenzjali biex "ngħinu nżommu lil Malta u lill-pubbliku sigur mill-COVID-19."

 

 

 

More in Politika