Bħalissa hemm stennija kbira fil-Partit Nazzjonalista u lilhinn biex ikun magħruf l-eżitu ta' diskussjonijiet li l-President tar-Repubblika kellu ma' kull Deputat tal-Partit Nazzjonalista. Dan is-sit jinsab infurmat illi dawk ta' kontra Delia għandhom in-numri kontrihom bi 17-il Deputat Nazzjonalist - u jista' jkun 18 hekk kif sorsi sostnew ma' dan is-sit li wieħed li vvota favur Delia din il-ġimgħa issieħeb mar-ribelli - jisfiduċjaw lil Delia quddiem il-President tar-Repubblika George Vella.
Vella ilu mill-bieraħ jiddelibera dwar din id-deċiżjoni bla preċedent li mistennija issa tifrex it-triq 'il quddiem għall-Partit Nazzjonalista b'Adrian Delia jidher riżolt illi jibqa' fil-kariga, jiġri x'jiġri.
Hemm diversi interpretazzjonijiet tal-Kostituzzjoni b'esperti fil-Kostituzzjoni - Austin Bencini, Giovanni Bonello u Kevin Aquilina - jgħidu illi l-Kostituzzjoni tgħid illi l-Kap tal-Oppożizjoni huwa l-Kap tal-akbar partit fl-Oppożizzjoni sakemm dan ikollu maġġoranza ta' Deputati warajh. Jgħidu illi żewġ artikoli li jidhru illi huma kontradittorji fil-fatt mhumiex u waħda tirreferi għall-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni wara elezzjoni ġenerali u oħra għal ħatra matul leġiżlatura.
Jidher li hemm minn qed jinterpreta illi l-Kostituzzjoni tgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu dejjem ikun il-Kap tal-Partit, anke bla appoġġ ta' Deputati warajh.
Paul Borg Olivier, eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, qal mal-illum.com.mt illi jekk il-President tar-Repubblika jżomm lil Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni bbażat fuq il-premessa li huwa l-Kap tal-akbar partit fl-oppożizzjoni jkun qed jiddefendi l-kariga ta' Kap tal-partit qabel dik ta' Kap tal-Oppożizzjoni.
"Din l-interpretazzjoni stretta li qed tintefa' bl-addoċċ, tkun qed iġġiegħel lill-Kostituzjoni tidher illi qed tagħti protezzjoni lill-kariga ta' Kap tal-partit - anke jekk ikun tilef l-appoġġ tal-maġġoranza - iktar milli tagħti importanza lill-kariga Kostituzzjonali ta' Kap tal-Oppożizzjoni," temm jgħid Borg Olivier.