Il-Grupp li dar għall-Kap - l-anatomija ta' Grupp Parlamentari mifrud
Din il-ġimgħa għixna mumenti interessanti ferm hekk kif konsenturi fil-Partit Nazzjonalista kibru u saru theddida għal pedamenti ta' partit ta' 140 sena. Il-Grupp Parlamentari rribella kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn il-membri tal-aktar grupp ta' politiċi fuq fomm in-nies...

minn Albert Gauci Cunningham

Din kienet il-ġimgħa tal-Partit Nazzjonalista - ġimgħa illi fiha Adrian Delia ffaċċja l-akbar kriżi politika li qatt iffaċċja dan il-partit fl-istorja moderna. Il-gazzetta ILLUM qed tagħti ħarsa lejn kif din il-ġimgħa nqasam il-Grupp Parlamentari - biex għall-ewwel darba fi snin kellna żviluppi politiċi inkredibbilment drammatiċi li ħallew Kap tal-Oppożizzjoni mbuttat 'il barra mill-Grupp Parlamentari tiegħu stess.
Għal fini ta' din l-analiżi qsamna lill-Grupp Parlamentari fi tliet gruppi differenti. Il-grupp anti-Delia, u allura dawk li l-aktar kontra Delia apertament u voċiferament, il-grupp tan-nofs li kien favur jew huwa kontra imma mhux daqstant voċiferu u l-grupp Pro-Delia. Fil-qosor nagħtu ħarsa lejn kull persuna minn dawn u għalfejn huwa kontra, favur jew fin-nofs.

Kontra Delia bil-qawwi
Jason Azzopardi - Dan mill-ewwel kien apertament kontrih u apparti intervalli qosra ta' ħidma konġunta, Jason Azzopardi baqa' kontra Delia sal-aħħar. Azzopardi kien għamel l-akkuża famuża illi Delia kien "iż-żiemel ta' Trojja" mill-Partit Laburista, biex dan jassigura li jibqa' jiggverna. Azzopardi huwa qrib ħafna Repubblika u l-familja Caruana Galizia - u ħareġ għonqu bħala wieħed mis-17 Blue Heroes*

Therese Comodini Cachia - Din kienet għamlet l-antipatija tagħha lejn Delia ċarissima meta aktar kmieni din is-sena, wara inkwiet simili bħal dan ta' issa, kienet qalet li "l-partit hemm bżonn isiblu mezz biex jitkeċċa". Hija qrib il-familja Caruana Galizia u kienet ukoll waħda mis-17 Blue Heroes. Comodini Cachia hija l-kandidat tar-ribelli biex tieħu post Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

David Casa - Casa kien dejjem meqjus bħala kontra Delia u kien wieħed mill-aktar persuni li ħarġu għonqhom għal Simon Busuttil meta Delia talbu jitlaq mill-Grupp Parlamentari. Biex tgħaxxaq hemm allegazzjoni li Delia kien aċċetta flus biex Casa ma jkunx elett fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Roberta Metsola - Metsola m'għamlitx sigriet li kkampanjat għal Chris Said u wriet l-iskuntentizza tagħha dwaru fl-ewwel (u l-uniku sa issa) Mass Meeting li indirizza Delia. Minkejja illi fl-aħħar xhur qagħdet ħafna iktar attenta u kienet qed tidher li qed tfaħħar lil Delia, finalment din il-ġimgħa vvutat kontrih.

Karol Aquilina - Aquilina wkoll huwa qrib ta' Repubblika u tal-familja Caruana Galizia. Minkejja ħidma ma' Delia Aquilina dejjem kien meqjus bħala kontra l-Kap Nazzjonalista bi preżenzi fi protesti dwar ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia, fejn Delia kien jiġi kkritikat (u meta mar ġie mxekkel) bosta drabi

Chris Said - Said qatta' ħafna minn dawn it-tliet snin taħt ir-radar mingħajr qatt ikkritika fl-apert lil Delia, li kien ikkontesta kontrih għall-kariga ta Kap tal-PN. Said u Delia kienu qrib xulxin fir-riżultat b'Delia jikseb 52.7% - 'il bogħod mit-tkaxkira li kien hemm min bassar li se jagħti. Finalment Said kien l-akbar sorpriża hekk kif kien hu li mexxa l-vot kontra Delia din il-ġimgħa.

Beppe Fenech Adami - Iben l-eks Prim Ministru Nazzjonalista qatt ma kien miftuħ wisq fil-kritika tiegħu minn dejjem kien magħruf bħala persuna mhux wisq qrib Delia. Hemm diversi teoriji dwaru u għalkemm ħafna u ħafna inqas dirett, ċar u preżenti fi protesti li fihom jiġi kkritikat Delia wkoll, jissemmew raġunijiet distrettwali u ta' ambizzjonijiet li seta' kellu għat-tmexxija.
Mario De Marco - Iben l-eks President Emeritus u eks Deputat PM Nazzjonalist qatt ma lissen kelma fil-pubbliku kontra Delia, forsi għax huwa politiku diplomatiku. Imma xorta ħareġ kontra d-deċiżjoni li jitneħħa Busuttil wara Egrant, kien wieħed mis-17 Blue Heroes u vvota kontra Delia din il-ġimgħa.

Ivan Bartolo - Bartolo kien il-persuna li mexxa 'l quddiem vot ta' fiduċja fil-konfront tal-Kap Nazzjonalista fl-istess żmien illi l-partit kien qed isofri minn telf ta' nies permezz ta' riżenji: primarjament Kristy Debono, Clyde Puli, Robert Arrigo - li reġa' rtira r-riżenja - u Mark Anthony Sammut.

David Thake - Jekk hemm persuna li ħassitha skomda ma' Delia huwa dan. Thake irriżenja minn Viċi Sindku tal-PN f'San Pawl il-Baħar għax ma riedx jaħdem ma' Delia. Sena ilu indika li Delia kien allegatament irċieva flus mingħand Yorgen Fenech biex David Casa ma jkunx elett - parti mir-raġuni għall-għawġ tal-lum.

Claudio Grech - L-id il-leminija tal-eks Ministru Austin Gatt ukoll ftit li xejn qatt esprima kritika fil-pubbliku għal Delia, anzi hu kien persuna li qed tingħata ħafna appoġġ u spazju minn Delia fil-qasam finanzjarju u f'termini ta' ideat.

Karl Gouder - Imexxi l-midja tal-Partit Nazzjonalista u fil-pubbliku wkoll qatt ma tkellem kontra Delia. Minkejja dan hu kien wieħed minn dawk meqjusin illi ħaduha kontra Delia diversi drabi, finalment din il-ġimgħa stess kien ikkonfermat meta listi fil-midja soċjali qalu li vvota kontra Delia. Huwa kien ukoll wieħed mill-grupp ta' 17-il Deputat li ħaduha kontra Delia ktar kmieni din is-sena.

Claudette Buttigieg - Hija d-Deputat Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u waħda minn dawk is-17-il Deputat li ħaduha kontra Delia aktar kmieni din is-sena fid-dawl ukoll ta' sondaġġi li kienu qed juru numri ħżiena ħafna għall-PN - xhur wara li l-Partit Nazzjonalista tilef elezzjoni tal-Prlament Ewropew bil-kbir.

Ryan Callus - Minkejja li dejjem żamm profil baxx, Callus deher fil-lista kemm ta' dawk is-17 li ħaduha kontra Delia u issa wkoll fost dawk li vvutaw kontra l-Kap tal-PN

Kevin Cutajar - Dan id-Deputat Għawdxi dejjem żamm profil baxx ħafna għalkemm huwa mifhum, li vvota kontra Delia din il-Ġimgħa.
Ximkien fin-nofs jew mhux daqstant kontra/favur
Hermann Schiavone - Schiavone kien, fil-bidu , wieħed mill-aktar Deputati favur Adrian Delia - wieħed mill-ftit Deputati fil-fatt li kkampanjaw għal Delia. Schiavone baqa' leali sakemm dan l-aħħar għamel twissija ċara lill-Grupp Parlamentari li spiċċat ġiet leaked u li fiha jwissi li l-PN hemm bżonn jagħmel xi ħaġa għaliex id-differenza bejn il-partiti bħalissa tinsab ta' madwar 90,000 vot. Mhux ċar kif ivvota din il-ġimgħa, għalkemm fuq il-midja soċjali intqal li vvota kontra Delia - xi ħaġa li ma ċaħadx.

Kristy Debono - Kristy flimkien ma' Hermann Schiavone, kienet akkużata illi organizzat laqgħa ma' Yorgen Fenech dwar kiri ta' swali għal attivitajiet tal-PN - wara li kien żvelat illi 17 Black hija ta' Yorgen Fenech. Mhux ċar kif ivvotat għalkemm isimha deher ma' dawk kontra Delia fuq il-midja soċjali u hi ma ċaħditx.

Stephen Spiteri - Tabib popolari fil-Kottonera, kwiet u ftit li xejn jidħol f'kontroversji. Żgur li qatt ma mar fil-pubbliku kontra Delia, lanqas f'każi illi fihom numru ta' Deputati ħarġu għonqhom. Jidher iżda illi bħal Schiavone u Debono, Spiteri vvota kontra l-Kap Nazzjonalista - pass mhux antiċipat. Il-gazzetta ILLUM hija nfurmata illi kien mhedded quddiem ir-residenza tiegħu.

Ivan Bartolo - Fil-listi jinsab bħala persuna li vvutat kontra Delia. Huwa preżentatur fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista u swticher. Jidher iżda li huwa wieħed minn dawk li fl-aħħar xhur ħaduha kontra Delia.

Dawk li huma favur Delia bil-qawwi
Clyde Puli - Eks Segretarju Ġenerali li meta rriżenja kien kiteb ittra qawwija u b'saħħitha illi fiha indika li baqgħu jsiru l-bsaten fir-roti u allura l-PN ma setax jimxi 'il quddiem
David Agius - Huwa l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u wieħed mill-aktar persuni viċin Delia.
Robert Arrigo - Viċi Kap u persuna oħra qrib Delia li mhux l-ewwel darba illi wera' ċerta frustrazzjoni għall-kritika interna li ssir. Responsabbli miċ-ċedoli u l-finanzi tal-partit, Arrigo kien irriżenja iżda mbagħad dawwar ħsiebu u baqa'.
Maria Deguara - Mart l-eks Ministru tas-Saħħa Louis Deguara vvotat favur Adrian Delia
Edwin Vassallo - Id-Deputat Mosti ivvota favur Delia u huwa meqjus MP leali lejn Delia.
Robert Cutajar - Id-Deputat Mellieħi vvota favur Delia u huwa meqjus bħala persuna li dejjem kienet favur il-Kp tal-PN
Mario Galea - Deputat li jżomm profil baxx imma lealissimu lejn Delia.
Carm Mifsud Bonnici - Deputat li jżomm profil baxx b'familja bi storja fil-PN. Dejjem baqa' wara Delia.
Toni Bezzina u Frederick Azzopardi - żewġ Deputati li wkoll qatt ma tkellmu dwar materji li jirrelataw mal-Kap tal-PN iżda li wkoll dejjem baqgħu wara l-Kap Nazzjonalista



Marlene u Godfrey Farrugia - Dawn it-tnejn mhumiex parti mill-Partit Nazzjonalista però huma parti mill-Oppożizzjoni f'termini Parlamentari. Dawn ma tantx għamluha xi sigriet illi qatt ma kellhom wisq pjaċir b'Delia wara l-pajttaforma li ngħataw minn Simon Busuttil. Wara żviluppi nhar it-Tlieta Marlene Farrugia ħeġġet lid-Deputati tal-PN imorru għand il-President.
*17 Blue heroes huma is-17-il Deputat tal-Partit Nazzjonalista li d-Deputat tal-PN Jason Azzopardi qal illi riedu lil Adrian Delia barra


