Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) se jkun qed jiffaċċja proċeduri dixxiplinarji wara filmat ippubblikat ilbieraħ li sejjaħ għall-bidla fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech ikkonferma li se jkunu qed jibdew proċeduri kontra l-MŻPN wara l-pubblikazzjoni ta’ dan il-filmat.
Ilbieraħ, is-sit illum.com.mt irrapporta kif diversi membri tal-MŻPN urew ir-rabja tagħhom fuq Facebook wara li tħallew barra mid-deċiżjoni li jkun ippubblikat dan il-filmat u anke saħqu li l-istess Zammit Dimech kien ta struzzjoni lil kull fergħa fi ħdan il-PN biex ma jippubblikaw l-ebda stqarrija dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-Partit.
Sorsi li tkellmu ma’ LovinMalta qalu li Zammit Dimech se jkun qed jieħu passi kontra l-MŻPN fuq struzzjonijiet tal-Kap Adrian Delia nnifsu.
Aktar tard, Zammit Dimech bagħat stqarrija u fiha kiteb hekk:
- Bħala Segretarju Ġenerali kont ħriġt direttiva lill-fergħat, u lill-Kumitati sezzjonali biex ikun hemm il-kollaborazzjoni ta' kulħadd u li d-diskussjonijiet dwar il-qagħda preżenti tal-Partit isiru internament fl -organi interni tal-Partit stess b'mod liberu u demokratiku.
- Din id-direttiva kienet ikkomunikata wkoll lill-MŻPN.
- Wara li l-MŻPN ħarġu l-istqarrija u l-filmat, għamilt komunikazzjoni mal-Eżekuttiv tal-fergħa biex dawn jirtirawhom iżda dan baqa' ma sarx.
- Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkostanzi u peress li fergħa kissret id-direttiva u l-istruzzjonijiet mogħtija lilhom minni aktar qabel, jkolli nirreferi dan il-każ lill-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Mezzi Soċjali għall-konsiderazzjoni tal-istess Kummissjoni mwaqqfa skont l-Istatut il-ġdid tal-Partit approvat unanimament fil-25 ta' Ġunju 2020.
Aqra wkoll: