Il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ħabbret direttivi li se jidħlu fis-seħħ min-nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Marzu u dan għax fi kliemha il-Gvern għadu ma waqqafx kompletament l-attivitajiet tal-massa.
Fi stqarrija, il-Unjin saħqet li jekk Malta tibqa’ tirreġistra każi għolja ta’ COVID-19 għas-sebat ijiem li ġejjin, dan ifisser li Malta tkun daħlet fit-tieni mewġa u hemm ċans li jidħol fis-seħħ lockdown parzjali bħal dak ta’ Marzu li għadda.
L-MUMN qalet li llum kellha laqgħa mal-Ministru Fearne dwar l-attivitajiet tal-massa, fost oħrajn u anke jekk il-Ministru mhux lest iwaqqaf l-attivitajiet tal-massa, fl-istess ħin jidher kommess li jassigura li dawk l-attivitajiet li ma jkunux skont l-aħħar Avviż Legali li daħal fis-seħħ jitwaqqfu u saħanistra jkun hemm multi impost.
Madanakollu saħqet li sa issa, il-Gvern għadu ma kkommettix ruħu serjament li jkun hemm infurzar serju fuq l-attivitajiet tal-massa li jiksru r-regolamenti.
“Partiies u anke attivitajiet tal-massa tħallew isiru mingħajr distanza soċjali u l-linji l-gwida kollha ġew injorati u ma ttieħdet l-ebda azzjoni legali,” saħqet l-MUMN. “Evidenti li dan in-nuqqas ta’ infurzar qed jirriżulta f’għadd ta’ każi ġodda ta’ COVID-19.”
Kompliet tgħid li lanqas mhuma qed jgħinu messaġġi mill-Gvern li jgħidu li “s-sitwazzjoni hija taħt kontroll” u li “l-mewġ qiegħed biss fil-baħar.”
X’inhuma d-direttivi?
Għalhekk mill-Ġimgħa l-infermiera li jaħdmu f’Mater Dei, San Vinċenz de Paule, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fl-Isptar Karin Grech u fid-Djar tal-Anzjani, qed ikunu ordnati:
- Ma jaħslux il-pazjenti
- Ma jniżżlux pazjenti minn fuq is-sodda u viċi-versa
- Ma jakkumpanjawx pazejtni għall-X-rays, it-teatri, out-patients etċ,
Fost oħrajn, il-fiżjoterapisti qed ikunu ordnati hekk:
- MDH outpatients: Jaraw biss tliet pazjenti kuljum
- KGH inpatients: Ma jarawx pazjenti ġodda. Ma jagħmlux home visits
- KGH outpatients: Ma jarawx aktar minn tliet pazjenti kuljum
- CDAU: Ma jarawx aktar minn tliet pazjenti kuljum
- SVPR: Ma jagħmlux rondi fis-swali, ma jagħmlux home visits
- SVPR Outpatients: Ma jarawx aktar minn tliet pazjenti kuljum
- MCH: Ma jagħmlux rondi fis-swali, ma jagħmlux home visit
- MCH Outpatients: Ma jarawx aktar minn tliet pazjenti kuljum
- Kura Primarja: Ma jarawx aktar minn tliet pazjenti kuljum
- Swali GGH: Ma jarawx pazjenti ġodda
- GGH Outpatients: Ma jarawx aktar minn tliet pazjenti kuljum
- Commcare and Homes: Ma jarawx aktar minn tliet pazjenti kuljum
Dawk tal-ECG fl-isptarijiet kollha ħlief SAMOC:
- Ma jagħmlux ECGs li jintbagħtu mid-dipartimenti tal-outpatients
- Ma jagħmlux ECGs mitluba bejn il-5:00am u s-7:00am.
Ħaddiema tas-Saħħa vulnerabbli:
Il-Ħaddiema tas-Saħħa kollha li huma meqjusa vulnerabbli u li huma tqal għandhom jitolbu biex jaħdmu f’żoni mhux kliniċi, fejn ma jkollhomx kuntatt mal-pazjenti. Jekk l-amministrazzjoni tal-isptar ma tipprovdilhomx dan, huma għandhom jibqgħu d-dar.
Aqra wkoll: