Minkejja laqgħa li damet tmien siegħat bejn l-MCESD u l-Gvern, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija jidher li ma ħarġet xejn kuntenta minn Kastilja u saħqet li ma ntlaħaq l-ebda qbil magħha. Għalhekk, id-deċiżjoni kienet li t-tobba jkomplu għaddejja bid-direttivi tagħhom.
Jidher li l-MAM ma aċċettatx proposta tal-Gvern biex l-attivitajiet tal-massa jkunu limitati għal 300 persuni u lanqas ma qablet ma' proposta oħra biex l-attivitajiet ikunu limitati għal 60 persuna jekk fuq ġewwa u 100 persuna jekk fuq barra.
L-istqarrija tal-Gvern saħqet li anke jekk mhux qed iħassarhom, il-Gvern qabel li l-attivitajiet tal-massa huma problematiċi u aċċetta li jkun hemm aktar infurzar. Fil-fatt tħabbar li se jkun hemm multa ta' €50 multa għal kull min jirrifjuta li jilbes il-maskra. Uffiċjali tal-Gvern se jibdew jilbsu l-maskra wkoll f'attivitajiet pubbliċi.
"F'nofs il-laqgħa, waslet l-aħbar f'Kastilja li l-każi ta' Covid-19 se jkunu żdiedu b'150% f'ġurnata waħda. Record ġdid ta' każi," insistiet il-MAM.
Ilbieraħ filgħaxija wkoll iċ-Ċentru tal-Istati Uniti għall-Kontroll tal-Mard, istituzzjoni b'reputazzjoni kbira internazzjonali, poġġiet lil Malta bħala pajjiż fejn ir-riskju li wieħed jimrad bil-Covid-19 huwa għoli ħafna u dan iżid il-possibbilità li aktar pajjiżi jneħħu lil Malta minn fuq il-lista ta' pajjiżi siguri għas-safar.
"Il-MAM ma biddlitx il-pożizzjoni tagħha...il-protezzjoni tas-saħħa tal-Maltin hija aktar importanti mill-profitti short-term tal-attivitajiet tal-massa li huma biss parti żgħira ħafna tal-ekonomija Maltija," saħqu t-tobba.
L-istqarrija temmet tikkundanna lil Gvern li qed juża t-tiġijiet bħala skuża biex jibqgħu jsiru l-attivitajiet tal-massa.
Aqra wkoll: