Il-Ħamis filgħaxija, Infrastructure Malta poġġiet f’postu l-pont ġdid għall-mixi u r-roti f’Kordin, liema pont hu twil 25 metru u jaqsam minn fuq Triq Dom Mintoff magħrufa wkoll bħala t-Telgħa ta’ Kordin.
Dan il-pont se jkun qed oħloq aċċess aktar sigur bejn l-inħawi residenzjali u dawk industrijali kif ukoll il-Kampus tal-MCAST fuq in-naħa ta’ Kordin u l-qalba ta’ Raħal Ġdid fuq ix-xaqliba l-oħra.
Bħalissa, biex jilħqu dawn iż-żoni, dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, bil-karozza tal-linja jew bir-rota jkollhom jaqsmu diversi toroq arterjali u jimxu fuq bankini dojoq b’aċċess limitat u b’ħafna karozzi għaddejjin magħhom.
Il-Ħamis filgħaxija, il-ħaddiema ġarrew din l-istruttura ta’ 16-il tunnellata lejn Triq Dom Mintoff, fejn użaw krejn kbir biex tellgħuha u poġġewha fuq l-istrutturi li nbnew apposta biex isserraħ fuqhom. L-aħħar xogħlijiet biex jitlestew il-pont u l-infrastruttura kollha ġdida madwaru jissoktaw fix-xhur li ġejjin.
Infrastructure Malta qed tippjana li tlesti dan il-proġett ta’ €1.6 miljun sal-aħħar tas-sena.
Intant qed jinbena wkoll passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti fl-inħawi ta’ Ġnien il-Mediterran. Dan il-passaġġ se jgħaqqad il-pont mal-waqfiet eżistenti għall-karozzi tal-linja fit-Telgħa ta’ Raħal Ġdid, it-triq li twassal għaċ-ċentru ta’ din il-lokalità.
Kemm il-pont kif ukoll il-passaġġ ġdid se jkunu attrezzati b’sistema ta’ CCTV cameras u bid-dwal għal aktar sigurtà u sigurezza fl-ivvjaġġar.
Dan se jkun it-tielet pont li Infrastructure Malta se tkun għamlet fl-2020 għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, bil-karozza tal-linja jew bir-rota.
F’Ġunju fetħet struttura simili fi Vjal l-Avjazzjoni, Ħal Luqa u x-xahar li għadda lestiet ieħor fi Triq San Ġorġ Preca, Blata l-Bajda.