Numru rekord ta' każi ġodda ... it-tobba jestendu d-direttivi
Ilbieraħ erba' pazjenti ddaħħlu Mater Dei b'sintomi serji
More in Politika
Ilbieraħ erba' pazjenti ddaħħlu Mater Dei b'sintomi serji
L-Assoċjazzjoni Medika Malta qed tisħaq li l-Gvern issa ma għandu l-ebda għażla oħra ħlief li jwaqqaf l-attivitajiet kollha tal-massa u dan hekk kif, skont l-istess Assoċjazzjoni, illum se jitħabbru rekord ta' każi ġodda ta' Covid-19.
Fi stqarrija, il-MAM saħqet li lbieraħ, erba' pazjenti ddaħħlu Mater Dei b'sintomi serji, biex issa hemm total ta' seba' pazjenti li għandhom bżonn il-kura.
Apparti minn hekk, tabib irriżulta pożittiv u ieħor jinsab fi kwarantina u qed jistenna li jsirlu t-test.
Il-MAM akkużat lill-Gvern li qed juża ħażin l-argument li ftit huma n-nies li jinsabu l-isptar u fakkret li evidenza xjentifika turi li l-Covid-19 jikkawża medja ta' mewta għal kull 75 każ bejn it-tielet u s-sitt ġimgħa wara li l-każi jkunu reġgħu bdew jiżdiedu.
Fakkret li tliet stati Baltiċi, l-Irlanda, l-Islovenja, il-Greċja u anke r-reġjuni Taljani ta' Emilia Romagna u l-Pulgia poġġew restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar minn u lejn Malta, biċ-ċentru tal-Istati Uniti għall-Kontroll tal-Mard ipoġġi lil Malta mal-lista tal-pajjiżi l-aktar milquta mill-virus.
Għalhekk, il-MAM se tkun qed testendi d-direttivi tagħha sal-14 ta' Awwissu. L-istqarrija spjegat kif id-direttivi se jkun sospiżi biss għal ġimgħa bejn il-15 ta' Awwissu u t-23 ta' Awwissu.
Jekk, sa dak iż-żmien, il-Kabinett ma jiħux deċiżjonijiet serji u effettivi kontra l-imxija, il-MAM qalet li se ddaħħal mill-ġdid id-direttivi u terġa' twaqqaf ukoll l-operazzjonijiet li mhux urġenti u li mhux relatati ma' kanċer.