Il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri, ħatar inkjesta bil-għan li tistabilixxi l-fatti b’rabta mal-każ tar-raġel li suppost kien qed jinżamm taħt arrest fil-ħabs u minflok għamel xahar jiġri barra.
Fi stqarrija, il-Ministeru saħaq li l-Ministru ħa dan il-pass immedjatament hekk kif kien mgħarraf bil-każ.
L-inkjesta se titmexxa mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi u trid tkun konkluża fi żmien għoxrin ġurnata.
It-termini ta’ referenza ta’ din l-inkjesta jitolbu li jistabilixxu l-fatti kollha tal-każ u toffri dawk ir-rakkomandazzjonijiet li tħoss li huma meħtieġa.
Kienet il-Maġistrat Doreen Clarke li nnutat li r-raġel daħal fl-awla tal-Qorti mhux akkumpanjat mill-uffiċjali tal-ħabs. Hija talbet li tingħata spjegazzjoni formali dwar dan il-każ.
Intant, l-Avukat Jason Azzopardi talab inkjesta pubblika.