Covid-19 | Ifiequ 54 pazjent ... 31 każ ġdid fl-aħħar 24 siegħa

Tliet pazjenti jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Pazjent wieħed biss jinsab fuq il-ventilator

Fl-aħħar 24 siegħa, numru rekord ta' pazjenti, jiġifieri 54, fiequ totalment mill-virus, filwaqt li rriżultaw 31 każ ġdid.

44 mill-persuni mfejqa huma immigranti. 

B'kollox, fl-aħħar 24 siegħa, saru 2,135 test u l-għadd tal-każi attivi issa huwa ta' 505.

Tliet pazjenti jinsabu fl-ITU

Illum is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tat l-aħħar dettalji dwar is-sitwazzjoni tal-COVID-19, fosthom kemm hemm pazjenti fl-isptarijiet.

Fil-fatt, jirriżulta li fl-ITU ta' Mater Dei hemm tliet pazjenti. Pazjent wieħed biss jinsab fuq il-ventilator.

Apparti dawn hemm:

  • Ħames pazjenti fl-Infection Diseases Unit
  • 16 fl-isptar Boffa
  • 13 fl-isptar St Thomas
  • 6 fl-isptar Mount Carmel

Clusters: Minn parties sa ristoranti

​Anke jekk wieħed ineħħu l-immigranti, Charmaine Gauci spjegat li l-graph tidher tiela' 'l fuq. 

Fl-aħħar ġimgħa, spjegat il-Professur Gauci, kien hemm 229 każ ġdid, iżda Malta saħħet ħafna l-ittestjar tagħha, fejn fl-aħħar ġimgħa saru 'l fuq minn 13,000 test.

L-akbar cluster bħalissa huwa marbut ma' Paceville u anke l-clubs. Sal-ġimgħa li għaddiet kien hemm 33 persuna f'dan il-cluster u fl-aħħar ġimgħa kien hemm 25 persuna oħra relatati mal-istess cluster.

Dwar il-party Hotel Takeover ma rriżultawx aktar każi u għalhekk dak il-cluster jidher li ngħalaq. Dwar il-festa ta' Santa Venera jidher ukoll li anke dan il-cluster qed jingħalaq hekk kif din il-ġimgħa rriżulta każ wieħed ġdid, biex b'kollox ilaħħaq l-34 każ.

Skont Gauci, il-cluster ta' 12-il persuna tal-Isptar Mount Carmel jidher li qed jingħalaq ukoll.

Cluster ieħor huwa relatat ma' attivitajiet familjari, bħal riċevimenti. Dan il-cluster qed ilaħħaq id-29 każ.

Cluster oħra iżgħar huma marbuta ma' tliet postijiet tax-xogħol (12-il każ), clubs sportivi (4 każi) u ristoranti (3 każi).

Il-każi fost l-anzjani qed jiżdiedu wkoll

Charmaine Gauci spjegat ukoll kif anke jekk il-maġġoranza tal-każi l-ġodda jibqgħu fost iż-żgħażagħ, partikolarment dawk li għandhom bejn il-25 u t-30 sena, qed jiżdiedu wkoll l-anzjani li jimirdu bil-COVID-19.

"In-numri xorta għadhom żgħar iżda kollox jindika li jekk inti anzjan jew jekk inti vulnerabbli, nibqgħu nieħdu ħsieb lilna nfusna. Bil-mod il-mod qed naraw anzjani li qed jimirdu wkoll u għalina dik hija inkwetanti," saħqet Gauci.

More in Politika