'Delia jista' jkun parti mis-soluzzjoni' - Bernard Grech

F'laqgħa informali mal-kamra tal-aħbarijiet ta' MediaToday, Bernard Grech jaqsam il-ħsibijiet u l-viżjoni tiegħu għall-Partit u għall-pajjiż

Il-kandidat prospettiv għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, insista li jinsab fiduċjuż li se jgħaqqad lill-Partit Nazzjonalista, anzi insista li diġà beda jirnexxilu jagħmel dan.

F'laqgħa informali li kellu mal-kamra tal-aħbarijiet ta' MediaToday, Grech insista li kemm fil-kampanja tiegħu, iżda anke jekk ikun elett Kap tal-Partit Nazzjonalista, mhux se jkun qed jaċċetta kliem dispreġġattiv la fuq Adrian Delia u lanqas fuq ħadd fil-Partit u lilhinn minnu.

Insista li biex il-Partit Nazzjonalista jingħaqad, anke dawn l-affarijiet żgħar huma importanti.

"Anke kif nitkellmu fuq xulxin jgħodd," insista Grech. "Kulħadd irid jifhem li jeħtieġ naħdmu f'direzzjoni waħda u magħquda."

Jibqa' l-fatt li fi tliet snin, Delia ma rnexxilux jgħaqqad lill-PN u anke jekk ikun elett Grech, Delia se jibqa' jgawdi l-appoġġ ta' bosta. Fl-aħħar vot tal-Kunsill Ġenerali, ħareġ biċ-ċar li 44% tal-Kunsilliera huma wara l-Kap attwali.

Mistoqsi dwar dan u jekk jarax li Delia jkollu rwol fil-Partit Nazzjonalista, jekk hu jsir il-Kap il-ġdid, Grech insista li "Delia jista' jkun parti mis-soluzzjoni."

Tul il-laqgħa, Bernard Grech saħaq li l-pressjoni biex jikkontesta din l-elezzjoni, ma kinitx ġejja mill-Partit Nazzjonalista imma mingħand ħafna nies minn barra u dan mhux riċentament biss, iżda anke wara l-elezzjoni tal-2017.

Fi kliemu, ħadd mill-Partit Nazzjonalista, jew mid-Deputati msejħa ribelli, ma għamillu xi kundizzjoni u anke ċaħad is-suġġerimenti li huwa jista' jkun Kap interim sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

'Ma nistgħux nitkellmu fuq il-governanza u ma nitkellmux fuq il-ħobż'

Dwar il-viżjoni politika tiegħu, Grech għal aktar minn darba insista ma' din il-kamra tal-aħbarijiet, li jrid li l-bniedem ikun fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista.

"Ma nistgħux nitkellmu fuq il-governanza u ma nitkellmux fuq il-ħobż," insista Bernard Grech. "In-nies inkwetati wkoll fuq is-saħħa, il-pagi u l-għajxien tagħhom."

Rapport aktar dettaljat se jkun ippubblikat nhar il-Ħadd li ġej fuq il-gazzetta ILLUM.

More in Politika