Il-Partit Demokratiku saħaq li l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli ma għandha l-ebda triq oħra, ħlief li tirriżenja.
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku kkritika lill-Ministru Farrugia Portelli għax fi kliemu, bl-aġir u d-deċiżjonijiet tagħha, is-settur tat-turiżmu qed ibati.
“Għalhekk nappellaw lill-Prim Ministru biex jagħmel dak li hu mistenni minnu u jpoġġi lil xi ħadd kompetenti,” saħaq il-PD.
Il-Partit Demokratiku saħaq kif diversi operaturi, fis-settur tal-ospitalità, urew it-tħassib tagħhom dwar il-futur tas-settur, in-negozju tagħhom u l-impjieg tal-ħaddiema tagħhom.
“Minħabba d-deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu, il-prodott turistiku Malti qed ibati. Ir-reputazzjoni ta’ Malta issa se tkun ta’ gżira irresponsabbli li moħħha fil-parties,” kompla l-PD.
L-istqarrija tkompli li Malta għandu jkollha tim kompetenti, magħmul min-nies li huma kkwalifikati u anke ta’ esperjenza u li kapaċi jwaqqfu l-emoraġija u jerġgħu jagħtu stabbilità lill-industrija. Kien għalhekk li talab għar-riżenja immedjata tal-Ministru u biex il-Prim Ministru jpoġġu lil xi ħadd li kapaċi jwettaq dan.