Il-Kamra tal-Kummerċ qed tesiġi li s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar jirriżenja, wara l-akkużi miġjubin kontra ħuħ. Dan inqabad b'€500,000 flus kontanti u kontijiet sigrieti id-Dubaj, bl-investigazzjoni twassal biex il-pulizija jakkużaw lil Aldo Cutajar b'numru ta' reati ta' ħasil ta' flus. Cutajar kien assenjat fil-Konsulat Malti ta' Shanghai, iċ-Ċina. Anke martu Isabel tressqet il-Qorti akkużata b'ħasil ta' flus.
Il-Kamra tal-Kummerċ qalet illi għalkemm Mario Cutajar ddistanzja lilu nnifsu minn ħuh u għalkemm hi mhux qed takkużah b'xi ħaġa, "l-istandards etiċi għoljin li l-Kamra tal-Kummerċ dejjem tisħaq fuqhom jesiġu azzjonijiet ta' eżempju fl-interess taċ-ċittadin onest."
Għalhekk il-Kamra tal-Kummerċ appellat biex Cutajar jagħmel dak li huwa sewwa fl-interess tal-governanza tajba u biex ikun aċċertat li uffiċjali pubbliċi jkunu nies ta' integrità li jmexxu bl-eżempju.