1.6 tunellata skart miġbura mill-ibħra ta' Birżebbuġa u Wied iż-Żurrieq
Il-Malta Airport Foundation b'inizjattiva ta' tindif fl-ibħra - jittella' ħafna plastik u anke tajers
More in Politika
Il-Malta Airport Foundation b'inizjattiva ta' tindif fl-ibħra - jittella' ħafna plastik u anke tajers
Żewġ inizjattivi meħudin mill-Malta Airport Foundation laqqgħu flimkien 49 għaddas, żewġ snorkellers u għadd ta’ volontiera oħrajn, li fuq medda ta’ jumejn ġabru madwar 1.6 tunnellata skart minn qiegħ il-baħar fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.
F’temp ta’ ħames sigħat, grupp volontiera f’Birżebbuġa tellgħu minn qiegħ il-baħar madwar 700 kilo skart li primarjament kien jikkonsisti minn għadd ta’ kontenituri tal-plastik, ħbula tal-irmiġġ tad-dgħajjes u partijiet minn dgħajjes imkissrin.
Grupp ieħor f’Wied iż-Żurrieq ġabar għadd ta’ fliexken tal-plastik u tal-ħġieġ, kif ukoll diversi oġġetti mdaqqsin inklużi 53 tajer, sellum tal-metall, bollards, blokok tal-konkrit u pajpijiet, li b’kollox kienu jiżnu madwar 900 kilo.
“Huwa inkwetanti li ħafna għadhom mhux qed jifhmu li t-traskuraġni tal-bniedem, bħal pereżempju r-rimi tal-iskart bl-addoċċ, qed ikollha impatti tassew negattivi fuq l-oċeani, l-ibħra u l-ekosistemi ta’ taħt il-baħar. Inizjattivi ta’ tindif bħal dawk li ġew organizzati mill-Malta Airport Foundation reċentement juru li hawn bżonn kbir ta’ edukazzjoni dwar dan is-suġġett,” qal iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Josef Formosa Gauci, filwaqt li fakkar li l-oċeani jsostnu madwar 80% tal-ħajja fuq il-pjaneta tagħna.
Wieħed mill-impenji tal-Malta Airport Foundation huwa li żżid l-għarfien dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-ibħra tagħna, filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ilmijiet li jdawru lill-gżejjer Maltin sabiex ikomplu jitgawdew mill-pubbliku lokali u t-turisti. Il-bajjiet u l-għadis, fil-fatt, jissemmew konsistentement mit-turisti bħala tnejn mill-aqwa 10 raġunijiet l-għaliex ikunu żaru l-gżejjer Maltin.
Tul is-sitt snin li għaddew, il-Fondazzjoni appoġġjat il-produzzjoni ta’ żewġ dokumenatarji, li t-tnejn iwasslu messaġġ ta’ konservazzjoni tal-ħajja ta’ taħt il-baħar, u ffinanzjat ix-xiri ta’ żewġ seabins għal-lokalitajiet ta’ Marsaskala u Marsaxlokk.