Il-Gvern se jkompli bil-pjan tiegħu li jżomm lill-immigranti kwarantina fuq il-baħar

Dan minkejja dewmien fil-proċess tat-tendering, hekk kif wieħed mill-operaturi li applika fetaħ appell

Il-pjan tal-Gvern li jżomm lill-immigranti kwarantina fuq il-baħar se jkompli kif ippjanat u dan minkejja dewmien fil-proċess tat-tendering, hekk kif wieħed mill-operaturi li applika fetaħ appell.

Qal dan il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri mal-MaltaToday anke jekk insista li din id-deċiżjoni se tkun qed tfisser spiża ta’ eluf ta’ ewro kuljum. 

Huwa saħaq li l-immigranti se jkunu qed jinżammu fi kwarantina abbord il-bastiment sakemm dawn jirriżultaw negattiv għall-Covid-19. 

Insista li l-immigranti se jitniżżlu l-art biss meta jkunu rriżultaw negattiv wara li jkun għadda l-perjodu preventiv.

Camilleri spjega kif is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar se tkun qed toffri s-servizzi kollha ta’ saħħa neċessarji, iżda l-Gvern se jkun ukoll lest li joffru l-assistenza tiegħu jekk ikun hemm bżonn.

Fakkar li l-Italja, li qed tiffaċċja sitwazzjoni simili, wkoll qed tieħu dawn il-miżuri.

Kien fl-aħħar ta’ Lulju li l-Gvern ħareġ espressjoni ta’ interess biex ikun hemm bastiment li fuqu jinżammu l-immigranti fi kwarantina.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern iddeċieda li jneħħi lill-immigranti, li rriżultaw pożittiv għall-Covid-19, minn fuq il-lista ta’ każi attivi f’Malta. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara diskussjonijiet maċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard (ECDC).

Mhux magħruf kemm hemm immigranti li rriżultaw pożittiv għall-virus u kemm minn dawn fiequ. Sal-ġimgħa li għaddiet kien hemm 173 każ fost l-immigranti. 

More in Politika