Fl-aħħar 24 siegħa in-numru ta' persuni li fiequ mill-Covid-19 reġa' kien ikbar mill-każi l-ġodda - b'52 persuna tfieq u 38 każ ġdid. Dan jindika issa li hemm xejra ta' persuni li ħadu l-Covid-19 fl-aħħar ġimgħat - meta l-każi bdew jiżdiedu - u li issa bdew ifiequ minnha.
Dawn it-38 każ jirriżultaw minn total ta' 2,048 swab biex it-total ta' swabs li saru lokalment sa issa kien ta' 177,518.
Minn dawn disa' każi kienu membri tal-familja ta' persuni li diġa' kienu pożittivi għall-virus, ħamsa kienu kuntatti ma' persuni li kienu pożittivi, tmienja kienu kollegi fuq il-post tax-xogħol fejn persuna rriżultat fil-pożittiv, żewġ każi kienu impurtati u sitta oħra ħadu l-Covid-19 minn "laqgħat soċjali."
B'kollox Malta reġa' għandha 666 każ attiv bħalissa, biex b'kollox mis-7 ta' Marzu - meta faqqa' l-ewwel każ - sa issa Malta kellha total ta' 1,705 każi, li minnhom1,029 fiqu u 10 rtilfu ħajjithom.