Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li anzjan ta’ 89 sena miet waqt li kien pożittiv bil-Covid-19. L-anzjan huwa t-13-il vittma ta' dan il-virus f'pajjiżna minn meta faqqa' l-ewwel każ nhar is-7 ta' Marzu.
L-anzjan iddaħħal l-Isptar Mater Dei fit-23 ta’ Awwissu għal kundizzjonijiet ta’ saħħa varji, fejn sarulu swabs għall-Covid-19 li rriżultaw fin-negattiv, madanakollu l-anzjan ingħata kura f’iżolament fl-Isptar Mater Dei minħabba li kien ġie f’kuntatt ma’ persuna pożittiva waqt li kien fil-komunità.
Hu nħareġ mill-Isptar Mater Dei fil-31 ta’ Awwissu filgħodu, mingħajr ebda sintomi u ntbagħat id-dar. Il-qagħda tiegħu ddeterjorat b’mod mgħaġġel u reġa’ ddaħħal fl-Emerġenza, fejn ġie kkonfermat pożittiv għall-Covid-19.
Huwa miet fl-Isptar Mater Dei aktar kmieni llum.
Il-Ministeru għas-Saħħa, għadda l-kondoljanzi lill-familjari tal-anzjan u appella biex il-poplu jibqa’ jsegwi l-appelli tad-Dipartiment tas-Saħħa.