Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, nieda l-logo u l-motto tiegħu għall-kampanja li mistennija tibda fil-ġimgħat li ġejjin biex ikun elett Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Il-motto se jkun: "għaqda b'lealtà."
"Tlett snin illu, intom it-tesserati għamiltu għażla importanti biex il-Partit Nazzjonalista jkun tal-ħafna u mhux tal-ftit. Illum wasalna f'dan il-punt sforz reżistenza għal dan it-tibdil tant bżonnjuż," kiteb Delia.
Saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu d-dover u l-obbligu li jħoss il-polz tan-nies u li jkun miftuħ għal "kull min hu ta' rieda tajba u lest li ġenwinament jagħti kontribut biex intejbu l-ħajja tan-nies."
Kien hawn li saħaq li fuq kollox, il-PN irid ikun miftuħ għat-tiġdid sostanzjali fil-ħsieb, b'enfasi partikolari fuq persuni ġodda.
"Din hi l-viżjoni tiegħi. Il-viżjoni tagħkom ilkoll. Dan kollu jista' biss iseħħ jekk ikun hemm għaqda b'lealtà," insista Delia.
Bħalissa għadu għaddej il-proċess ta' due diligence fuq Adrian Delia u Bernard Grech, proċess li jista' jtul għal ġimgħat oħra biex wara tkun tista' tibda l-kampanja. Kollox jindika li l-elezzjoni għall-Kap tal-PN se tkun qed issir fl-ewwel ġimgħat ta' Ottubru.