Ikomplu jiżdiedu l-każi ta' Covid-19 fi djar tal-anzjani hekk kif f'jumejn l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru 17-il każ mifruxa fi djar differenti.
B'kollox, fl-aħħar 24 siegħa, hekk kif saru 1,957 test, instabu 42 każ ġdid ta' Covid-19, filwaqt li 43 pazjent fiequ.
Dan ifisser li issa, l-għadd tal-każi attivi huwa ta' 387.
Mill-għadd tal-każi mħabbra lbieraħ, 10 kienu minn djar tal-anzjani differenti. Fil-ġurnata ta' qabel, kien hemm seba' każi oħra simili. L-awtoritajiet tas-saħħa ma tawx id-dettalji u l-ismijiet tad-djar.
Apparti minn hekk, minn fost il-każi mħabbra lbieraħ, kien hemm cluster kbir ta' 18-il persuna minn kumpanija tal-kostruzzjoni.
Ħames każi oħra kienu qraba ta' pazjenti li rriżultaw pożittiv fl-aħħar jiem, tlieta kienu kollegi, każ wieħed kellu kuntatt dirett ma' pazjent u żewġ każi oħra kienu importati.