L-Isqof Grech jinħatar uffiċjalment Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet

L-Isqof Grech għamel l-ewwel diskors tiegħu fil-preżenza tal-Papa Franġisku

Illum tħabbar uffiċjalment li l-Papa Franġisku ħatar uffiċjalment lill-Isqof Mario Grech bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

Grech se jkun qed jieħu post il-Kardinal Lorenzo Baldisseri li kien ilu jservi din il-kariga mill-2013.

Ix-xogħol ewlieni tas-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, bl-uffiċċju tiegħu fil-Vatikan, hu li jkun ta’ Kap ta’ dan id-Dikasteru importanti f’isem il-Papa, li huwa l-President. 

Is-Segretarju Ġenerali imexxi l-laqgħat fl-assenza tal-Papa, u jikteb l-atti tagħha; jinnomina l-uffiċjali tas-Segreterija, li jiddependu minnu u jikkomunika lill-Papa dak kollu li għandu x’jaqsam mal-attività tas-Segreterija. 

Hu għandu rwol importanti fil-fażi preparatorja tal-Assemblea tas-Sinodu, waqt is-Sinodu nnifsu u anke wara.

F’diskors qasir li għamel f’din l-okkażjoni Mons. Grech esprima gratitudni u ammirazzjoni lejn il-predeċessur tiegħu l-Kardinal Baldisseri, u fisser ix-xewqa tiegħu li jimxi fil-passi tiegħu, wara li kellu l-opportunità li jipparteċipa fi tlieta mill-erba’ Sinodi organizzati minnu.

Intant, Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, flimkien mal-Arċiprieti u l-Kappillani Għawdxin miġbura flimkien għal Seminar, qed jibagħtu dan il-messaġġ ta’ awguri lill-Isqof Grech: “B’sentimenti ta’ ferħ u ta’ radd il-ħajr lil Alla, inwasslu l-aħbar tal-ħatra mill-Papa Franġisku ta’ Mons. Isqof Mario Grech bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu. Is-Sinodu hu ġrajja li fiha l-Isqfijiet jinġabru biex jiddiskutu temi importanti għall-ħajja tal-Knisja. Fil-jum li fih infakkru t-twaqqif tad-Djoċesi tagħna ta’ Għawdex, nitolbu lil Alla għall-Papa u għall- Isqof Mario li ser jgħinu f’missjoni hekk importanti fit-tmexxija universali.”

More in Politika