Il-Kamra tal-Kummerċ Maltija sejħet għal laqgħa urġenti tal-MCESD biex tkun diskussa s-sitwazzjoni preżenti tal-Covid-19 u qed tissuġerixxi li l-kontroll tal-imxija tal-virus "ikun priorità nazzjonali."
"Fl-interess tas-saħħa fiżika u ekonomika tal-pajjiż u l-poplu, il-Kamra tal-Kummerċ qed issejjaħ għal miżuri aktar b'saħħithom biex tkun ikkontrollata l-imxija u n-numri ta' każi ta' Covid-19."
Ilbieraħ Malta esperjenzat l-akbar numru ta' każi ta' Covid-19 minn kemm ilha li faqqgħet il-pandemija f'Marzu li għadda, b'total ta' 106 każi pożittivi f'24 siegħa.
"Huwa evidenti," tkompli tgħid l-istqarrija tal-Kamra tal-Kummerċ, "illi hemm bżonn ta' dixxiplina mġedda fost ċerti setturi tal-popolazzjoni u għalhekk hemm bżonn ta' aktar infurzar, kampanji għall-viġilanza u dwar is-serjetà tal-pandemija." Qed tipproponi wkoll allura li għal perjodu qasir u b'mod immedjat jerġgħu jkunu introdotti restrizzjonijiet fuq id-daqs ta' gruppi fil-pubbliku, l-ilbies tal-maskri u l-inkoraġġiment tax-xogħol mid-dar.
Finalment, dwar l-edukazzjoni l-Kamra tal-Kummerċ qalet illi kif inhuma l-affarijiet il-ġenituri qed isiru dejjem aktar xettiċi u għalhekk qalet li huwa neċessarju li ssir ħidma kollettiva biex ir-rata tal-infezzjonijiet jitpoġġew mill-ġdid taħt kontroll