‘Sirt naf li ommi għandha l-Covid-19 għax ċempilt jien nistaqsi għaliha’

L-ILLUM tinvestiga r-realtà ta' qraba u ħbieb li għandhom anzjani fi djar, speċjalment dawk li jinsabu f'Dar San Ġużepp, fil-Fgura, li f'ġimgħa kellha 83 każ ġdid ta' Covid-19 ... 'Kollox taħt kontroll' tassigura it-tmexxija tad-dar

(Arkivji)
(Arkivji)

“Sirt naf li ommi għandha l-Covid għax ċempilt jien biex nistaqsi għaliha.” Hekk qalet bint waħda mill-anzjani pożittivi f’Residenza San Ġużepp fil-Fgura, id-dar tal-anzjani li fiha, f’ġimgħa tħabbru 83 każ pożittiv.

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, din il-bint saħqet li s-sitwazzjoni tal-pandemija f’din ir-residenza ħarbet minn taħt idejn il-carers u t-tmexxija tagħha anke jekk insistiet li mhux tagħtihom tort għax għamlu u għadhom qed jippruvaw jagħmlu l-almu kollu tagħhom.

“Mhux nagħti tort lir-residenza imma qed insiru nafu l-affarijiet għax inċemplu aħna,” spjegat din il-persuna. Fi kliemha, anke meta faqqgħu l-każi, saret taf għax qrat minn fuq il-midja soċjali.

Kompliet tisħaq li l-carers mhux qed ilaħħqu anke għax ħafna mill-ħaddiema ta’ din ir-residenza, li hija tal-Privat, ukoll instabu pożittivi, filwaqt li oħrajn, li kellhom kuntatt magħhom u ma’ anzjani pożittivi, jinsabu fi kwarantina.

“Hemm carers li qed jaħdmu ġranet sħaħ wara xulxin biex ilaħħqu,” komplet tispjega din il-bint.

Dar San Ġużepp, il-Fgura
Dar San Ġużepp, il-Fgura

Kien hawn li spjegat kif ftit tal-jiem ilu ċemplet biex tistaqsi għal ommha, għax ovvjament ma tistax tmur taraha u qalulha li kienet irriżultat pożittiv.

“Ħadt qatgħa. Għamilt lejl nibki,” kompliet tirrakkonta mal-ILLUM. “Ma nafx x’ġara. Id-dar għada ġdida, vera sabiħa, vera nadifa u vera sigura.”

Spjegat kif madwar ġimgħa ilu, lil ommha kienu għamlulha test u rriżultat negattiv. Anke hawn saret taf għax ċemplet hi. Il-Covid-19 ħarġilha ġimgħa wara l-ewwel test.

L-akbar inkwiet għal din il-bint hija li ommha tbati bid-dimensja.

“Nibża’ għax għandha d-dimensja. Nibża’ li tinsina,” spjegat il-bint anke għax kienet diġà ilha ġimgħat ma taraha u min jaf kemm fadlilha.

Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM staqsieta x’qed tagħmel biex tkun tista’ żżomm kuntatt ma’ ommha.

“Trid tagħmel appuntament anke biex tkellimha fuq it-telephone. Issa mhux la kemm jidħlu ħdejha u jtuha t-telephone. Kull darba li jidħlu ħdejha jridu jilbsu l-ilbies protettiv,” kompliet tispjega.

Mill-informazzjoni li tawha meta ċemplet, jidher li ż-żewġ sulari ta’ fuq bħalissa qed jintużaw eskussivament biex fihom jitpoġġew ir-residenti li nstabu pożittivi għall-Covid-19. 

Apparti minn hekk, f’kull sular ieħor, hemm parti apposta għall-iżolament tal-pazjenti bil-virus.

97 resident bil-Covid-19 f’Dar San Ġużepp ... Il-General Manager jisħaq li s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll

Intant, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-General Manager tar-Residenza San Ġużepp, Emmanuel Saliba, li spjega kif b’kollox hemm 97 anzjan pożittiv f’din id-dar filwaqt li hemm ukoll 27 carer.

Minkejja dan Saliba insista li anke jekk is-sitwazzjoni qed tinbidel kuljum u magħha ġabet ħafna sfidi, iddeskriviha bħala “waħda taħt kontroll.”

Mistoqsi x’passi qed jittieħdu biex tkun ikkontrollata l-imxija, Saliba saħaq li r-residenti misjuba pożittivi qed jinżammu kollha fi kmamar apposta. Mill-banda l-oħra, il-carers qed jinżammu fi kwarantina fid-dar tagħhom.

Dwar ilmenti li fid-dar ma kienx qed ikun hemm tabib preżenti, speċjalment meta faqqgħet il-pandemija fid-dar, Saliba saħaq li b’kollaborazzjoni mill-Awtorità għall-Istandards Soċjali, id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità u anke diversi Ministeri, saru l-arranġamenti kollha biex is-servizz tat-tobba “qed jingħata kif għandu jkun u skont l-eżiġenzi.”

Dar San Ġużepp, Fgura:
Dar San Ġużepp, Fgura: "Kollox taħt kontroll" jgħid il-Maniġment

 

More in Politika