L-elezzjoni fil-PN se ssir kif ippjanata ... jitfakkar illi ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha
Il-Kummissjoni Elettorali tal-PN ma tilqax talba mill-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo biex l-elezzjoni fil-partit tiġi posposta
minn Yendrick Cioffi
Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista sostniet li l-votazzjoni fl-elezzjoni għal Kap Nazzjonalista ġdid se tkompli kif ippjanata u dan wara li l-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo ppropona li din tkun posposta minħbabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 kif ukoll minħabba l-fatt li mart Bernard Grech, irriżultat fil-pożittiv.
"Il-Kummissjoni Elettorali ilha ġimgħat tikkonsulta dwar il-mod kif kellha torganizza din l-elezzjoni fl-aktar ambjent san minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Il-fatt li mart wieħed mill-kandidati nstabet pożittiva ma tbiddel xejn mill-preparazzjonijiet u ma żżid l-ebda pressjoni għal min kien diġa’ organizzat," sostniet il-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni kompliet tgħid li dejjem poġġiet is-saħħa tat-tesserati fuq quddiemnett f’kull kunsiderazzjoni li ħadet u dejjem iddikjarat li l-elezzjoni ssir bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, skont id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika biex tassigura li l-votazzjoni ssir f’rispett sħiħ għas-saħħa ta’ kull votant. "Kien għalhekk li minkejja li f’ċirkostanzi normali ġurnata waħda biss kienet tkun biżżejjed biex issir elezzjoni bħal din (hekk kien sar tlett snin ilu), il-Kummissjoni qed torganizza l-votazzjoni mifruxa fuq sitt’ijiem għal ħinijiet twal propju sabiex tassigura li l-votanti jkunu jistgħu josservaw id-distanza soċjali kif rakkomandat mill-awtoritajiet."
Aktar kmieni: Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, għall-Affarijiet tal-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo kiteb lill-President tal-Kunsill Ġenerali, Ċensu Galea biex tkun posposta l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
F'ittra li ra dan is-sit, Arrigo insista li qed jikteb fuq inizjattiva personali fid-dawl tal-fatt li Bernard Grech jinsab fi kwarantina u anke għax fi kliemu, il-pandemija qed tkompli tinfirex b'mod allarmanti.
"Qed nirċievi ħafna messaġġi minn tesserati, speċjalment anzjani li jinsabu inkwetati dwar saħħithom u li din l-elezzjoni, li hi attività tal-massa tesponihom għal riskji serji," insista. "Din hi attività tal-massa, fejn ma hemmx risk assessment."
Arrigo saħaq li dan ir-riskju ma għandux jittieħed u għalhekk qed jitlob biex l-elezzjoni titmexxa għal ġranet oħra meta s-sitwazzjoni tkun taħt kontroll.
'Il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn li jgħaddi minn dan il-perjodu ta' inċertezza mill-aktar fis possibli'
Intant, stqarrija maħruġa mill-kampanja tal-kandidat Bernard Grech insistiet li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn li jgħaddi minn dan "il-perjodu ta' inċertezza" mill-aktar fis possibli.
Fakkret li l-Kummissjoni elettorali ħabbret li hija konxja tas-sitwazzjoni u qed tieħu l-prekawzzjonijiet kollha sabiex bl-ebda mod ma jinħoloq periklu ta’ saħħa għall-votanti.
Kompliet tfakkar li se jkun hemm 18-il post ta' votazzjoni mxerrda mal-pajjiż kollu u se jkun hemm ħamest ijiem li matulhom it-tesserati se jkunu jistgħu jivvutaw.
"Il-Kummissjoni assigurat illi f’kull post tal-votazzjoni ser jkun hemm miżuri ta’ iġjene hekk kif ordnat mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, se jiġu osservati r-regoli kollha tas-‘social distancing’ u fl-ebda mument mhu ser ikun hemm attivitajiet tal-massa," kompliet l-istqarrija.
Temmet tgħid li kull attentat biex dan il-perjodu jittawwal ċertament m'huwiex fl-interess tal-Partit, tas-sostenituri tiegħu u fuq kollox tal-pajjiż.
Meta se ssir il-votazzjoni?
Il-votazzjoni tibda nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej fejn se jkunu qed jivvotaw it-tesserati li ma jistgħux jagħmlu dan f'Ottubru.
Nhar it-30 ta' Settembru se jivvotaw dawk li għandhom problemi ta' mobilità biex il-votazzjoni tissokta bejn l-1 u t-3 ta' Ottubru.
Ir-riżultat jitħabbar nhar it-3 ta' Ottubru stess.