113-il anzjan minn 278 resident f'Dar San Ġuzepp għandhom il-Covid-19

Apparti r-residenti, hemm ukoll 29 membru tal-istaff li rriżultaw pożittiv, filwaqt li 50 jinsabu fi kwarantina

Ir-Residenza San Ġużepp tal-Fgura qalet li minn total ta' 278 resident, 113-il anzjan u anzjana rriżultaw pożittiv għall-Covid-19. Skont it-tmexxija tad-dar, il-maġġoranza tal-anzjani li għandhom il-virus ma għandhomx sintomi.

Fuq Facebook, ir-Residenza saħqet li bħalissa fir-residenza hemm seba' tobba li qed jassistu lill-anzjani. Tlieta minn dawn huma Konsulenti u l-bqija huma General Practitioners.

"Is-sebgħa li huma qed jimmoniterjaw is-sitwazzjoni lejl u nhar. Kull deċiżjoni klinika, bħal jekk resident għandux jibqa' fid-dar jew ikunx trasferit lejn Mater Dei, tittieħed minnhom," saħqet ir-Residenza.

Kompliet ukoll li dawn id-deċiżjonijiet qed jittieħdu kull meta jkun hemm bżonn, lejn jew nhar u anke fil-ħdud u l-festi.

Spjegaw ukoll li biex tkun ikkontrollata l-imxija, ir-residenti qed ikunu sseparati skont jekk hux pożittivi jew le u qed jitpoġġew fi clusters.

Anzjani pożittivi, dawk negattivi u oħrajn fi kwarantina mhux qed ikollhom kuntatt. 

Apparti minn hekk, il-membri kollha tal-istaff qed isirilhom test kull tlett ijiem.

Intant, apparti r-residenti, hemm ukoll 29 membru tal-istaff li rriżultaw pożittiv, filwaqt li 50 jinsabu fi kwarantina.

"Bis-saħħa tal-kollaborazzjoni bejn id-dar u d-dipartimenti kkonċernati, irnexxilna nżommu s-sitwazzjoni tal-ħaddiema taħt kontroll," saħqet ir-Residenza

Insistew ukoll kif minn meta feġġ l-ewwel każ, irċevew l-ewwel aħbarijiet dwar persuni li fiequ.

Minkejja li omm anzjana residenti qalet mal-gazzetta ILLUM li saret taf li ommha ħarġet pożittiva għax ċemplet hi tistaqsi għaliha, ir-Residenza  qed tinsisti li qed iżommu kuntatt mal-qraba u tinfurmahom minnufih malli jirċievu r-riżultati.

More in Politika