Dalgħodu, grupp ta’ immigranti ġew rilokati minn Malta lejn Franza wara ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi. L-immigranti ħallew Malta permezz ta’ titjira diretta lejn Pariġi bil-għan li jkomplu bil-proċess tal-ażil fi Franza.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern saħaq li saru l-arranġamenti kollha meħtieġa bejn l-awtoritajiet Maltin, l-Ambaxxata Franċiża f’Malta u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM) u kienu jinkludu wkoll eżamijiet mediċi sabiex jassiguraw li ħadd mill-immigranti mhu pożittiv għall-COVID-19.
"Minkejja l-ostakli li ġabet magħha l-pandemija fejn jidħlu r-rilokazzjonijiet, l-awtoritajiet Maltin qed jaħdmu sabiex mijiet ta’ immigranti oħra jkunu trasferiti lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin," saħqet l-istqarrija.
Ir-rilokazzjoni tal-lum qed issir fl-istess waqt li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda fil-proċess li tniedi politika aġġornata dwar l-immigrazzjoni.
Il-Gvern Malti qed jibqa' jisħaq dwar il-qsim tar-responsabbiltà tal-immigranti.
"Ir-rilokazzjoni hija wieħed mill-pilastri tal-istrateġija tal-gvern fuq l-immigrazzjoni irregolari, flimkien mal-prevenzjoni tal-wasliet u r-ritorn ta’ dawk il-persuni li ma jkunux eliġibbli għal protezzjoni f’pajjiżna," temmet ifakkar il-Ministeru.